Sunday, November 3, 2024

Il-Gvern kommess li sal-2030 f’pajjiżna jkun hawn mas-6,500 charging point

Aqra wkoll

Il-Gvern kommess li sal-2030 jkun hawn total ta’ 6,500 charging point kif tistipula l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp b’livell baxx ta’ karbonju (LCDS).

Iddikjarat dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli meta kienet qiegħda twieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus.

L-Onor. Callus kien talab lill-Ministru Dalli tgħid kemm se jkunu installati charging stations mill-bidu sal-aħħar ta’ din is-sena u kemm se jiġu installati charging stations sal-aħħar tal-2030.

Fit-tweġiba tagħha, il-Ministru Dalli spjegat li dan il-proġett ġie fdat lill-Aġenzija għall-Eenerġija u l-Ilma (EWA). Irrimarkat li l-qofol tax-xogħol li sar din is-sena kien jinvolvi l-preparamenti tekniċi għal 600 charging pillar ġdid, biex jipprovdu 1,200 charging point ġdid.

Spjegat li dan ix-xogħol kien jirrikjedi diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali, Enemalta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali fost oħrajn, fejn ġew identifikati aktar minn 1,000 sit li setgħu jiġu kkunsidrati biex fihom isiru charging pillars. Minn dawn intgħażlu s-600 sit meħtieġa għal dan il-proġett u sussegwentement, malli tlesta d-disinn tekniku għal kull sit, saret ukoll l-appllikazzjoni għall-approvazzjoni minn Transport Malta.

Il-Ministru Dalli żiedet tgħid li diversi applikazzjonijiet sottomessi lil Transport Malta diġà ġew approvati filwaqt li nħarġet ukoll sejħa għall-offerti li tinsab fl-aħħar stadju tal-evalwazzjoni biex jibda x-xogħol infrastrutturali fuq l-ewwel charging pillars ġodda.

Sadattant, fil-ġimgħat li ġejjin mistenni li tiġi ppubblikata sejħa oħra għal aktar siti fejn se jsiru charging pillars oħrajn ġodda. Qed titħejja wkoll it-tielet sejħa li se tkun tinkdludi partikolarment ammont ta’ charging pillars ġodda li se jsiru f’Għawdex. Barra minn hekk, tlesta wkoll ix-xogħol preparatorju sabiex fil-ġimgħat li ġejjin jibdew jinħarġu anke s-sejħiet għall-offerti għall-installazzjoni taċ-charging pillars.

Il-Ministru Dalli tenniet li b’dan il-proġett sal-aħħar tas-sena d-dieħla n-numru ta’ charging pillars madwar Malta u Għawdex se jilħaq total ta’ 786, għal total ta’ 1,572 charging point.
 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport