Il-Gvern kompla jwettaq b’mod konkret l-impenji tiegħu lejn il-bdiewa u r-raħħala. Permezz tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, tħallsu madwar €70.5 miljun f’għajnuna diretta taħt skemi Ewropej u nazzjonali, żieda ta’ madwar 45% fuq is-sena ta’ qabel.
Iddikjara dan il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Ministeru tiegħu, fejn stqarr li din mhijiex biss żieda fil-ħlasijiet iżda prova ċara tal-appoġġ li dejjem qiegħed jikber u li qed jingħata lil settur li huwa fundamentali għas-sigurtà alimentari u l-iżvilupp rurali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Refalo rrimarka li matul l-2025, minkejja d-diversi sfidi bħal żidiet fl-ispejjeż fil-fertilizzanti u l-ġwies, il-Ministeru offra għajnuna konkreta lis-setturi. Qal li dan sar billi sar użu massimu minn fond nazzjonali u Ewropej biex iżomm l-appoġġ finanzjarju lil dawk l-aktar milquta.
Saħaq li ma jsemmix l-intervent “Appoġġ għal Bdiewa Żgħażagħ”, għodda importanti biex nħeġġu ġenerazzjoni ġdida tidħol fis-settur. Dawn il-proġetti jinsabu fl-istadju finali tal-evalwazzjoni u mistennija jibdew jitwettqu kmieni fl-2026. Qal ukoll li fl-istess ħin, il-Ministeru nieda servizzi ġodda ta’ taħriġ u konsulenza teknika, inklużi żjarat mill-agronomi biex jagħtu pariri fuq prattiċi agrikoli moderni u bbażati fuq ix-xjenza. Dan huwa appoġġ dirett li jindirizza l-isfidi ta’ kuljum tal-bidwi u jgħinu jieħu deċiżjonijiet aktar infurmati, aktar sostenibbli u aktar profittabbli.
Il-Ministru Refalo qal ukoll; “Mis-sena 2026 ser nestendu l-iskemi ta’ inċentivi anke lis-sidien ta’ raba’ li waslu għall-età tal-irtirar jew irtiraw, biex ninkoraġġuhom jirritornaw l-art mikrija lill-Awtorità tal-Artijiet. Din l-istess art imbagħad tingħata mill-ġdid, permezz ta’ Riżorsi Agrikoli Malta, lil bdiewa ġodda u kummerċjali b’kera bbażata fuq prezz ġust. Barra min hekk qed inħarsu lejn inċentivi fiskali biex inħeġġu l-bejgħ u x-xiri ta’ art agrikola min bdiewa kummerċjali u bdiewa żagħżagħ”
Ingħad ukoll li l-messaġġ tal-Gvern lill-bdiewa huwa wieħed ċar u bla ambigwità: “aħna qegħdin magħkom, u se nibqgħu nkabbru l-appoġġ tagħna biex il-biedja Maltija tibqa’ vitali, produttiva u parti ċentrali mill-identità nazzjonali tagħna u mis-sigurtà alimentari tal-pajjiż”.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Refalo għamel referenza għall-bini ta’ Pitkalija ġdida għall-Frott u l-Ħxejjex. Dwar dan, il-Ministru beda biex qal li din il-Pitkalija se tkun mgħammra b’faċilitajiet moderni u teknoloġija avvanzata, inkluż spazji adegwati ta’ Cold Storage, sabiex il-frott u l-ħxejjex li jbigħu l-bdiewa Maltin jinżammu f’kondizzjoni friska u standards ta’ kwalità għolja, li finalment jagħtu prodott aħjar lill-konsumatur. Barra minn hekk, il-ġestjoni tal-Pitkalija se tiġi organizzata b’mod li jkun żgurat prezz ġust għall-bdiewa tagħna, biex isir bilanċ ġust bejn produttur u konsumatur. Saħaq kif dan hu pass ieħor importanti biex insostnu l-agrikoltura Maltija u nsaħħu s-suq lokali tagħna.
Dwar il-ħarsien tal-annimali, il-Ministru Refalo qal li “il-Gvern qed jaħdem b’rieda soda biex jerġa’ jiftaħ, fl-iqsar żmien possibbli, l-Isptar tal-Annimali. Dan qed isir b’viżjoni ċara: li nsaħħu s-servizzi veterinarji fil-pajjiż mingħajr ma nissostitwixxu jew ninjoraw il-kontribuzzjoni essenzjali tal-kliniċi privati, li diġà joffru servizz ta’ livell għoli. L-Isptar tal-Annimali, li nħoloq taħt Gvern Laburista, għandu jkompli jwettaq l-għan fundamentali tiegħu — li jopera bħala ċentru aktar speċjalizzat, li jikkumplimenta u jsaħħaħ is-servizzi diġà eżistenti, mhux li jsir kopja tagħhom. Dan għandu jkun sptar modern u ta’ kwalità, li jservi wkoll bħala garanzija ta’ servizz f’każijiet ta’ emerġenza”.
Temm jgħid; “B’dan il-Budget, wassalna mhux biss pjan sħiħ ta’ ħidma li se jkompli jwassal aktar ġid u riżultati għall-poplu Malti u Għawdxi. B’dawn il-bagit, se nkomplu ninvestu fil-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-agrikoltura tagħna; se nkomplu nsaħħu l-infrastruttura u l-opportunitajiet għas-sajjieda tagħna; se nkomplu nimbuttaw ’il quddiem l-innovazzjoni fil-katina alimentari lokali; u se nkomplu ntejbu l-benesseri tal-annimali f’pajjiżna. Dan huwa baġit ta’ kontinwità fil-progress u ta’ tama għall-futur”.

