Il-Gvern Kuban ħabbar li kien qiegħed jeħles 2,010 priġunier bħala sinjal ta’ rieda tajba wara pressjoni kbira li saret mill-Gvern Amerikan.
Dawk li se jinħelsu huma priġunieri ta’ nazzjonalità barranija, żgħażagħ, nisa u persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena.
Skont il-Gvern Kuban dan is-sinjal ta’ rieda tajba qiegħed isir b’rabta maċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi tal-Ġimgħa Imqaddsa.
Minn meta ħa t-tmexxija lura f’idejh, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump wera biċ-ċar li jixtieq bidla fit-tmexxija f’Kuba u wieħed mill-ewwel passi li ħa kien li ma ħalliex aktar tankers taż-żejt jidħlu fil-pajjiż. Konsegwenza ta’ dan il-pajjiż kollu spiċċa bla dawl u ħafna nies spiċċaw mingħajr l-essenzjali biex jgħixu.
Il-ġimgħa li għaddiet Trump ta’ permess lil tanker taż-żejt Russu biex jidħol f’Kuba u b’hekk sar l-ewwel tanker taż-żejt li daħal fil-pajjiż minn Jannar li għadda.
Kuba bħalissa għandha mijiet kbar ta’ priġunieri politiċi u ilhom snin twal jiġi kkritikata minn Human Rights Watch. Issa jidher li l-pressjoni li għamel Trump fuq il-Gvern Kuban ħalliet xi riżultati u se jinħelsu l-ewwel 2,000 priġunier.

