Friday, November 15, 2024

“Il-Gvern lest li jkompli jiddiskuti”

- Il-Ministru tal-Ġustizzja

Aqra wkoll

Hekk kif kien qiegħed jingħalaq id-dibattitu Parlamentari fl-istadju tat-Tieni Qari dwar l-emenda li tħares saħħet l-omm waqt it-tqala, il-vot se jkollu jittieħed il-ġimgħa d-dieħla minħabba li l-Oppożizzjoni talbet division.

Dan ifisser ukoll li l-vot finali dwar din l-emenda ma jistax jittieħed qabel ix-xahar id-dieħel.

Hekk kif l-Oppożizzjoni temmet id-diskussjoni dwar din l-emenda, kien imiss lill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard biex jagħlaq f’isem il-Gvern. Il-Ministru Attard filwaqt li kkritika d-diskorsi tal-Membri tal-Oppożizzjoni, insista li emenda bħal din tagħti dritt lil omm li tgħix filwaqt li reġa’ sostna li l-Gvern se jibqa’ miftuħ għal kull diskussjoni.

Il-kelliem qal li din l-emenda se tkun qiegħda tagħti protezzjoni lit-tobba milli jispiċċaw akkużati quddiem il-Qrati tal-pajjiż f’każ li jipprovaw isalvaw ħajja ta’ omm li tkun fil-periklu waqt it-tqala.

Fil-kritika tiegħu lejn l-Oppożizzjoni qal li meta beda jisma’ d-diskorsi jidher ċar li hemm qasma fl-Oppożizzjoni. Dan għaliex filwaqt li kien hemm kelliema li qalu li l-Gvern qed iressaq din l-emenda biex jirbaħ il-voti, kien hemm kelliema oħrajn fosthom Dr Chris Said li tkellem ftit tal-ħin qabel li sostna li kulħadd – is-soċjetà kollha hija kontra din l-emenda.

Il-Ministru sostna li meta kien qed jitkellem ma’ persuni midħla fil-qasam qalulu li l-Gvern jista’ ma jgħaddix din l-emenda minħabba li meta omm tkun fil-periklu li titlef ħajjitha minħabba t-tqala, titlaq mill-ewwel lejn Sqallija biex tagħmel l-intervent hemm. Attard sostna li għal Gvern din mhix soluzzjoni.

Il-Ministru tal-Ġustizzja qal li l-Gvern se jibqa’ lest li jiddiskuti ma’ kulħadd din l-emenda però l-punt li mhux se jkun hemm diskussjoni dwaru li ma tiġix proteta l-ħajja u s-saħħa tal-omm waqt it-tqala.

Il-Vot tat-Tieni Qari se jkun qiegħed jittieħed fis-19 ta’ dan ix-xahar.

Ekonomija

Sport