Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu approva donazzjoni ta’ €70,000 biex tindirizza l-ħtiġijiet urġenti fil-Palestina. Din l-għajnuna ser tingħata lill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF), organizzazzjoni li qed taħdem direttament f’Gaża, b’enfasi fuq is-sitwazzjoni umanitarja tal-popolazzjoni ċivili.
Il-Ministeru qed jippjana wkoll li jalloka fondi addizzjonali fil-ġimgħat li ġejjin biex isaħħaħ l-appoġġ lill-poplu Palestinjan. L-għajnuna se tiffoka fuq il-ħtiġijiet l-aktar essenzjali, inklużi l-appoġġ kontinwu lill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Għajnuna u x-Xogħol għall-Palestinjani (UNRWA), u organizzazzjonijiet oħra li jipprovdu ikel u kura tas-saħħa.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici.
Id-Deputat Prim Ministru elenka kif il-Gvern Malti, inkluż il-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli, qed ikompli joffri għajnuna umanitarja konkreta għall-benefiċċju tal-poplu Palestinjan. Huwa qal li l-Ministeru qed jikkontribwixxi wkoll fil-Fond ta’ Solidarjetà ma’ Gaża.
Matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu, Malta bagħtet erba’ konsenji ta’ dqiq, b’total ta’ 10,060 xkora, lejn Limassol, f’Ċipru biex bl-għajnuna tal-Gvern Ċiprijott u tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Proġetti u s-Servizzi Malta jitwasslu f’Gaża.
Wara proċess ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet rispettivi tal-Iżrael, nofs dan id-dqiq intbagħat lejn il-port ta’ Ashdod, fejn sal-5 ta’ Settembru dan kien twassal f’Gaża għand il-World Central Kitchen. Din l-organizzazzjoni umanitarja diġà bdiet tużah biex tipprepara l-ikel li qiegħda tipprovdi lin-nies ċivili f’Gaża. Huwa mistenni li t-tieni nofs ta’ dan id-dqiq jitlaq lejn il-port ta’ Ashdod fl-aħħar ta’ Settembru.
Iktar kmieni din is-sena, Malta kompliet b’inizjattiva umanitarja ta’ evakwazzjoni ta’ tfal Palestinjani li qed ibatu minn mard serju, flimkien mal-ġenituri tagħhom, miż-żona ta’ Gaża. Sa issa, erbat itfal ġew evakwati u miġjuba Malta fejn qed jirċievu kura medika urġenti.
Id-Depuat Prim Ministru qal ukoll li Malta ser tkompli tgħin ukoll fil-qasam edukattiv. Għas-sena akkademika 2025/2026, il-Ministeru se jiffinanzja żewġ boroż ta’ studju fil-livell ta’ Masters fl-Università ta’ Malta għal studenti Palestinjani, kif ukoll boroż ta’ studju għal diplomatiċi Palestinjani biex jistudjaw fl-Akkademja Mediterranja tal-Istudji Diplomatiċi (MEDAC).
Fl-aħħar nett, id-Deputat Prim Ministru reġa’ tenna l-impenn sod tal-Gvern Malti favur il-kawża tal-paċi f’Gaża. “Malta tkompli taħdem mill-qrib ma’ sħab internazzjonali biex tħeġġeġ għall-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Hamas, filwaqt li tħares lejn il-ħtieġa urġenti li tiżdied b’mod sostanzjali l-għajnuna umanitarja li tkun tista’ tidħol mingħajr xkiel f’Gaża, sabiex jiġu ndirizzati l-bżonnijiet kruċjali tal-popolazzjoni ċivili,” huwa temm jgħid.