Thursday, December 26, 2024

Il-Gvern Malti kommess li jipprovdi għajnuna li tindirizza il-ħtiġijiet tal-poplu Ukren

Aqra wkoll

Il-Gvern ta’ Malta huwa kommess li jipprovdi għajnuna uffiċjali li tindirizza il-ħtiġijiet tal-poplu Ukren sabiex itaffi mit-tbatijiet ikkawżati mill-kunflitt ġewwa l-Ukrajna.

Sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet immedjati tal-poplu Ukren, permezz ta’ approċċ koordinat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, il-Gvern ta’ Malta se jkun qed jibgħat sitt kontejners b’valur ta’ ’l fuq minn €1.15 miljun f’mediċini u tagħmir mediku li ġew ipprovduti mill-Ministeru għas-Saħħa, mill-Kamra tal-Ispiżjara ta’ Malta u mill-Isptar San Tumas. Dawn l-isforzi qed jiġu kkoordinati mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Barra minn hekk, tista’ wkoll tingħata kontribuzzjoni finanzjarja lill-fond tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) iddedikat għall-kriżi fl-Ukrajna. F’dan ir-rigward, sabiex jiġi żgurat li l-fondi qed jintbagħtu fejn hemm bżonn, ġie maħluq kont bankarju amministrat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej għal dawk li jixtiequ jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-għajnuna minn Malta lejn l-Ukrajna, b’dawn id-dettalji:

Numru tal-Kont        41005EURCMG50000
IBANMT63MALT011000041005EURCMG50000
Isem tal-KontUkraine Humanitarian Fund
SWIFT CodeMALTMTMTXXX

Minbarra d-dettalji bankarji, kontributuri finanzjarji prospettivi huma mitluba li jipprovdu wkoll dettalji personali (isem, kunjom, indirizz, email, numru ta’ kuntatt) sabiex ikun jista’ jintbagħat rikonoxximent kif xieraq.

Sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-isforzi kollha għall-għajnuna umanitarja f’dawn iż-żminijiet bla preċedent, l-organizzazzjonijiet volontari u l-NGOs li jixtiequ jassistu huma mitluba li jressqu ’l quddiem l-interess tagħhom mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fuq dan l-indirizz elettroniku: [email protected]. Huwa biss permezz ta’ sforzi koordinati li Malta tista’ tkompli tagħmel kontribuzzjoni pożittiva u effettiva f’nofs dan il-kunflitt, filwaqt li tiżgura li l-għajnuna meħtieġa qiegħda tasal fejn hemm bżonn.

Il-Gvern ta’ Malta se jibqa’ kommess li jipprovdi għajnuna umanitarja skond il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-poplu Ukren, kif ikun ikkomunikat b’mod formali.

Il-Gvern ta’ Malta jixtieq jirringrazzja lil dawk l-individwi, entitajiet kummerċjali u l-organizzazzjonijiet volontarji li qed jikkontribwixxu għal din il-kawża, permezz ta’ għajnuna tant meħtieġa lejn il-poplu Ukren.

Huwa maħsub li stqarrijiet simili jinħarġu aktar ’il quddiem sabiex ikompli l-koordinament ta’ dawn l-isforzi b’mod ordnat.

Ekonomija

Sport