Saturday, November 23, 2024

Il-gvern Malti laħaq ftehim ma’ numru ta’ pajjiżi Ewropej biex ikunu rilokati 284 immigrant minn Malta

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif impenja ruħu l-gvern Malti fl-aħħar xhur u ġimgħat, 284 immigrant se jkunu trasferiti lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea f’eżerċizzju ta’ rilokazzjoni kkordinat mill-Kummissjoni Ewropea. In-negozjati għar-rilokazzjoni bdew meta l-portijiet Maltin kienu magħluqa matul il-perjodu ta’ emerġenza għas-saħħa pubblika. Konsegwenza ta’ dan, kien hemm numru ta’ immigranti li nżammu fuq bastimenti ‘l barra mit-territorju Malti għal numru ta’ ġimgħat. 

Id-deċiżjoni li Malta żżomm l-immigranti fuq dawn il-bastimenti ttieħdet fl-eqqel tal-pandemija tal-COVID-19 meta pajjiżna ma setax joffri post sigur għal persuni li jaslu Malta irregolarment bil-baħar. Dan sar ukoll fid-dawl tal-pressjoni fuq iċ-ċentri tal-immigranti, fosthom fl-ikbar ċentru li kien magħluq bi kwarantina. Malta ma kinitx l-unika pajjiż fil-Mediterran li użat vapuri għal dan l-iskop, hekk kif stati membri oħra ħadu inizjattivi biex irażżnu l-pandemija f’ċentri tal-immigranti. 

Il-gvern Malti beda l-proċess sabiex l-ewwel grupp ta’ 204 immigrant jiġu rrilokati lejn il-pajjiżi l-oħra. Fil-każ tat-tmenin immigrant ieħor, hemm impenn politiku bejn Malta u l-membri stati kkonċernati li ser ikun segwit mill-Kummissjoni Ewropea. 

Minbarra l-ħidma biex l-immigranti jiġi rilokati, bdiet ukoll ħidma biex immigranti minn pajjiżi meqjusa bħala siguri jkollhom il-proċess tal-ażil tagħhom aċċelerat. Dan il-proċess qed isir skont proċeduri maħsuba biex każi bħal dawn ikunu proċessati b’aktar ħeffa u allura l-awtoritajiet Maltin ikunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jibgħatu lil dawn il-persuni lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom. 

Din l-operazzjoni, maħsuba biex tevita riskji marbuta mas-saħħa pubblika, swiet €1.7 miljun u l-gvern Malti għadu għaddej b’taħdidiet bil-għan li jikseb fondi Ewropej. Il-gvern assigura li jsir ittestjar mediku tal-immigranti kollha li kienu abbord dawn il-bastimenti, u ħadd mill-immigranti ma rriżulta pożittiv għal COVID-19. 

Kull deċiżjoni li ttieħdet f’dak il-mument kienet tirrifletti l-urġenza tas-sitwazzjoni. Il-kirja tal-bastimenti kienet ta’  €363,440. Din kienet tikkonsisti fi €3,000 kuljum għal bastimenti tal-Captain Morgan u €6,500 għal bastiment tas-Supreme Travel vessel. Żewġ kumpaniji oħra kienu kkuntatjati iżda ma kinux interessati li jipprovdu s-servizz.  

Il-provvisti u servizzi marbuta magħhom swew €212, 646.12. Għal dan il-għan, tqabbdu 33 kumpanija u negozji differenti li jipprovdu ikel u xorb, prodotti sanitarji u ħwejjeġ, fost oħrajn. 

Il-kirjiet ta’ dgħajjes biex jitwasslu l-provvisti swew €87,741 u kien hemm infiq ta’ €10,908.12 fuq proċeduri ta’ diżambarkazzjoni. 

Minħabba n-natura tal-operazzjoni, il-preżenza tas-sigurtà 24 siegħa kuljum kienet essenzjali. Kien hemm medja ta’ 12-il uffiċjal ta’ sigurtà f’kull ħin tal-ġurnata għal sebat ijiem fil-ġimgħa. Aktar minn 33,000 siegħa ta’ sigurtà rriżultaw f’nefqa ta’ miljun ewro. Il-kumpanija ta’ sigurtà ntgħażlet għaliex fil-mument li bdiet l-operazzjoni kienet toffri servizzi fil-Marsa Initial Reception Centre, għalhekk setgħu jipprovdu servizz fl-inqas ħin possibbli. 

Din l-operazzjoni kienet essenzjali f’mument straordinarju ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika u kull deċiżjoni kienet fl-interess tas-saħħa tan-nies u l-interess nazzjonali. L-importanza ta’ din l-inizjattiva kienet bżonnjuża meta wieħed iqis li kien hemm immigranti irregolari li waslu fi bnadi differenti fil-Mediterran li kienu pożittivi għal COVID-19. Fl-aħħar mill-aħħar, l-operazzjoni wasslet ukoll sabiex jitwassal messaġġ lill-pajjiżi Ewropej u lill-komunità internazzjonali li Malta ma tistax titħalla waħeda sabiex taffaċċja din il-problema. Xhieda ta’ dawn huwa r-rilokazzjoni ta’ ammont sostanzjali ta’ immigranti li mhux ser jibqgħu responsabbiltà ta’ Malta wara r-rilokazzjoni. 

Il-gvern jibqa’ kommess li r-rilokazzjoni tkun prinċipju ewlieni tal-politika Ewropea, l-aktar f’dan il-mument importanti fejn qed jiġi diskuss il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. Fl-istess waqt, Malta ser tkompli taħdem mal-Libja sabiex tiġi indirizzata din l-isfida kmieni kemm jista’ jkun, jiġi evitat it-telf ta’ ħajjiet fil-Mediterran u jiġu miġġielda t-traffikanti tan-nies.

Sport