“Illum stess, il-Gvern Malti reġa’ offra lill-membri tal-ekwipaġġ u lin-nies abbord biex jiġu salvati… iżda huma rrifjutaw.” Hekk intqal fi stqarrija li ħareġ il-Gvern ta’ Malta b’rabta mal-kwistjoni tal-vapur mhux irreġistrat bl-isem “Conscience” li nhar il-Ġimgħa filgħodu spiċċa f’mira ta’ attakk bi drone.
L-istqarrija tkompli tgħid li wara li seħħ l-attakk, Malta offriet l-assistenza b’mod immedjat u anke ħarġet patrol boat biex tassisti lill-membri tal-ewkipaġġ u anke lil persuni abbord. “Wara li dawn kienu kkonfermati siguri, huma ġew offruti jitilgħu fuq tubgoat biex jitwasslu l-art b’mod sigur. Iżda dakinhar ukoll huma rrifjutaw li jiġu salvati,” tkompli tgħid l-istqarrija tal-Gvern.
Malta qiegħda toffri li tibgħat surveyor marittimu fuq il-bastiment biex jara xi ħsara hemm, u anke jirranġa l-ħsarat li hemm biex ikun jista’ jkompli miexi fid-destinazzjoni tiegħu. “Iżda hawn ukoll il-Kaptan irrifjuta surveyor li jitla’ fuq il-bastimenti,” itemm tgħid l-istqarrija li ħareġ il-Gvern Malti.