Saturday, December 28, 2024

Il-gvern qed iħares lejn iktar inċentivi għall-bidliet li hemm bżonn f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-gvern qed iħares lejn iktar inċentivi biex jiddirezzjona l-investiment u l-għażliet f’Għawdex lejn il-ħarsien tal-qalba tal-irħula u l-ambjent naturali, fost oħrajn. Dan biex, fost oħrajn, jibni fuq inizjattivi eżistenti bħall-iskemi b’saħħithom għax-xiri ta’ proprjetajiet f’żona ta’ konservazzjoni urbana.

Tkellem dwar dan il-Prim Ministru Robert Abela meta ltaqa’ ma’ seba’ organizzazzjonijiet Għawdxin, biex magħhom jiddiskuti proposti li qed jagħmlu ‘Għal Għawdex’.

Filwaqt li sema’, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar is-suċċess ta’ Għawdex fl-aħħar snin u kif ir-realtà llum inbidlet, fejn Għawdex huwa mutur u mhux mażżra. Fl-istess ħin, wieħed irid jieħu ħsieb il-ħarsien ta’ dak li jagħmel Għawdex uniku.

Hawn spjega li meta l-gvern għażel li għal Għawdex jagħmel skemi iktar ġenerużi, għal dawk li jridu jirriabilitaw u jirrestawraw djar f’Għawdex, kien qed jibgħat sinjal ċar.

“Issa fuq dak is-sinjal irridu nibnu l-inizjattivi l-ġodda, liema inizjattivi jkunu jixhdu kif ilkoll flimkien irridu nieħdu ħsieb lil Għawdex. Il-budget li ġej irid jagħti sinjal dwar dan ukoll,” qal il-prim ministru, li rrefera wkoll għall-proġett kbir ta’ spazju miftuħ li jrid isir fil-qalba tar-Rabat. “Inħeġġiġkom tieħdu sehem fil-konsultazzjoni pubblika li għaddejja dwar dan il-proġett ukoll, għaliex dan irid ikun wieħed mill-proġetti ewlenin li jġibu bidla kbira f’Għawdex.”

Dan il-proġett iħares lejn ir-riġenerazzjoni ta’ żona sħiħa mifruxa fuq medda ta’ aktar minn 22,000 metru kwadru. Ċentrali għal din il-viżjoni hu l-fatt li ż-żona li llum hi okkupata minn parkeġġ, tiġi trasformata fi spazju miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll id-deċiżjoni li Ħondoq ir-Rummien għandu jibqa’ mhux mittiefes u spjega li l-gvern, b’mod konsistenti, bagħat messaġġ kontra l-iżvilupp fuq l-art tal-Ħondoq.

Fil-laqgħa kienu preżenti l-Kunsill Reġjonali Għawdex, Din l-Art Ħelwa Għawdex, Għawdix, Wirt Għawdex, Gozo Business Chamber, Gozo Tourism Association u l-Gozo University Group.

Ekonomija

Sport