F’laqgħa mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ li matulha ġie ppreżentat ir-rapport ta’ ħidma tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2025, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-importanza tal-intelliġenza artifiċjali u l-użu responsabbli tagħha. Huwa ħabbar li l-Gvern qed janalizza l-liġijiet eżistenti u jipprepara rakkomandazzjonijiet kontra l-użu tad-deepfake biex jikkawża fastidju, rikatt jew bullying.
“Hekk kif għamilna fil-każ tas-cyberbullying u cyberstalking, se naħdmu wkoll biex l-użu tad-deepfake biex ikisser lin-nies jiġi penalizzat kif jixraq fil-liġijiet ta’ pajjiżna,” qal Dr Abela. Huwa spjega li waqt li bdiet l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Budget relatati mal-promozzjoni tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali, il-Gvern se jkun qed jaħdem ukoll biex iċ-ċittadini jużaw dawn l-għodod diġitali f’ambjent sigur għal kulħadd.
L-użu tal-intelliġenza artifiċjali u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja pubbliku kienu ż-żewġ temi ewlenin li indirizza l-Parlament taż-Żgħażagħ fl-2025. Waqt li kien qed jiddiskuti il-proposti taż-żgħażagħ, il-Prim Ministru spjega li ż-żgħażagħ qed jgħinu fit-tfassil ta’ Viżjoni Malta 2050 u se jkunu huma l-muturi ewlenin fl-implimentazzjoni tagħha.
“Din hija viżjoni li tipprepara lill-pajjiż għall-ħamsa u għoxrin sena li ġejjin u allura tolqot direttament lil dawk li bħalissa qed jippreparaw ruħhom għad-dinja tax-xogħol jew biex jibnu familja. Iż-żgħażagħ huma katalisti biex jifformaw il-politika tal-pajjiż fuq suġġetti importanti, fosthom ir-rata tal-fertilità, l-ambjent u l-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol,” sostna l-Prim Ministru.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Keith Azzopardi Tanti, is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol u l-membri tal-Youth Advisory Forum.



