Friday, December 13, 2024

“Il-Gvern qed iħoss u jgħix l-inugwaljanza u mhux jitkellem dwarha biss”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dakinhar li attendejna l-viġilja wara l-qtil ta’ Paulina Dembska jiena u marti nħsadna. Fost dawk li attendew kien hemm sentiment ta’ dispjaċir u rabja kbira. Stajt inħoss emozzjonijiet fost tfajliet u nisa li riedu jibatu messaġġ ċar li s-soċjetà naqsithom għax ma tkellmitx biżżejjed.” Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li kien qiegħed jitkellem dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-kodiċi kriminali. Permezz ta’ din l-emenda, għall-ewwel darba l-liġi ta’ pajjiżna se tkun qiegħda tirrikonoxxi l-femiċidju.

Waqt li kien qiegħed jitkellem dwar l-emendi suġġeriti, Abela qal li l-amministrazzjoni ma setatx tħalli dan il-każ jgħaddi mingħajr ma twassal il-messaġġ li ma tistax tibqa’ tħalli li jiżdiedu l-ismijiet fuq dik il-lista l-kerha ta’ persuni li nqatlu minħabba li huma nisa.

Huwa tkellem dwar bidliet importanti bħalma kienet il-ħatra ta’ Maġistrat dedikata apposta fuq każijiet marbuta mal-każi ta’ vjolenza domestika, il-unit speċjalizzata fil-Korp tal-Pulizija biex tinidirizza r-reati koroh u siekta ta’ vjolenza domestika, il-provvediment tal-assistenza li hemm bżonn lil dawn in-nies u t-tnedija tal-aġenzija għall-vittmi ta’ kriminalità. Tkellem ukoll dwar ir-ratifikazzjoni tal-konvenzjoni ta’ Istanbul, konvenzjoni li kompliet tagħti s-saħħa fil-ġlieda kontra l-vjolenza relatata mal-ġeneru. 

Mingħajr ma xtaq jieħu lenti politika dwar is-suġġett, il-Prim Ministru ma naqasx milli jinnota li anke fuq suġġett tant delikat, l-Oppożizzjoni kienet maqsuma fil-ħsieb tagħha. “Irridu nkunu aħna li bħala Gvern u bħala Parlament li  minn tal-ewwel nibatu messaġġ li l-qtil abbażi tal-ġeneru f’pajjiżna mhux se jiġi tollerat. Ma stajniex inħallu l-qtil ta’ Paulina Dembska u nisa oħra jgħaddi qisu xejn mhu xejn. Għax mhux biss hemm ħajja iżda hemm familja u ħbieb li se jsibuna hawn biex nippreżentawlhom pajjiż sigur”, kompla Abela.

Tkellem dwar id-diskussjoni li qamet rigward il-valur tal-ħajja u l-fatt li kien hemm min staqsa jekk hux kull ħajja għandha l-istess valur. Filwaqt li kkonferma dwar dan, il-Prim Ministru qal li rridu nkunu realistiċi u nirrikonoxxu li f’ħafna mill-każijiet l-mara kienet f’pożizzjoni iżjed vulnerabbli. Żied jgħid li realtà oħra hija kull mara li tispiċċa vittma ta’ dawn ir-reati hija omm, hija bint jew hija  oħt u għalhekk dan kollu jagħmel differenza fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Huwa saħħaħ dan l-argument u qal li dan kollu ħareġ minn rapport li sar fl-Univerista ta’ Malta, rapport li mhuwiex wieħed iżolat f’pajjiżna.

Huwa kompla biex jgħid li jeħtieġ li nkunu sinċieri magħna nfusna u nammettu dwar dawn ir-realtajiet. Qal ukoll li filwaqt li l-każi ta’ vjolenza domestika żdiedu, anke minħabba l-fatt li żdied l-għarfien dwar is-suġġett, hemm nisa li qegħdin joqogħdu lura milli jitkellmu jew saħansitra qegħdin jagħżlu li jwaqqgħu r-rapporti li jkunu għamlu fuq inċertezzi.

Tkellem ukoll dwar l-emendi f’dan l-abbozz u li dawn jinkludu li r-reat tal-omiċidju jibqa’ wieħed li jġorr piena ta’ għomor il-ħabs. Spjega però li permezz ta’ dawn l-emendi, wara li jingħata l-verdett u l-Maġistrat jkun qiegħed jikkalibra l-piena abbażi tal-fatturi preżentati l-affarijiet se jkunu qegħdin jibidlu. “Qegħdin ngħidu li meta jirriżulta li l-qtil jew l-attentat ta’ qtil ikun sar għax il-vittma tkun mara, il-Maġistrat se jkun limitat milli jagħti piena inqas ħarxa u b’hekk se jkun obbligat li jagħti waħda iżjed ħarxa. It-tieni emenda hija li meta għandek każ ta’ femiċidju dan ma jistax jitqies bħala omiċidju skużabbli”, elabora Abela.

Huwa qal li dawn l-emendi huma ftit iżda li jfissru ħafna. Għamilha ċara li ladarba jkunu introdotti dawn l-emendi dan mhux se jfisser li mhux se jkollna każ ieħor bħalma ġara, iżda se jkun qiegħed isir dak kollu possibbli fil-poter tal-amministrazzjoni biex dawn ir-reati jkunu miġġielda. Saħaq li dawn l-emendi mhumiex soluzzjoni iżda qegħdin iservu biex jinħareġ messaġġ ċar “li m’aħniex se ngħalqu għajnejna quddiem il-weġgħat tan-nies. Huma emendi li se jagħtu l-kuraġġ lil min sal-lum qiegħed jibża’ jersaq ’il quddiem biex jitlob għall-għajnuna. Is-soċjetà trid tara li tibat messaġġ b’saħħtu favur il-bniedem u llum dan qiegħed jitratta l-mara”, sostna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru appella lil dawk li qegħdin ibatu minn xi forma ta’ inġustizzja simili biex ma jħallux il-mument li jkun tard wisq biex ifittxu l-għajnuna. Saħaq li dan il-Gvern qiegħed jagħżel li jħoss u jgħix l-inugwaljanza u mhux jieqaf biex jitkellem dwarha biss.

“M’hawn l-ebda missier jew nannu li jrid li bintu jew in-neputija tiegħu tgħaddi minn dak li għaddiet minnu Paulina. Żgur li m’hawn l-ebda persuna li trid li oħtha tgħaddi minn din minn dan kollu”, temm jgħid Abela.

Ekonomija

Sport