“Il-Gvern qed jara li f’pajjiżna tingħata prijorità assoluta lill-edukazzjoni f’kull fażi tagħha, prijorità li qed tingħata permezz ta’ investiment bla preċedent f’dan is-settur u bid-dħul ta’ għadd ta’ riformi kif ukoll miżuri li minnhom qed jibbenefikaw mhux biss l-istudenti u l-familji tagħhom, imma wkoll l-edukaturi tal-pajjiż,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Il-Ministru żar l-Iskola Sekondarja tal-Ħamrun, Kulleġġ San Ġorġ Preca, dik li hija magħrufa bħala l-eks Liċeo, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Edukazzjoni. Hemmhekk ra kif jitħaddem l-Alternative Learning Programme (ALP) li huwa mmirat għal studenti li jsibu diffikultà li jitgħallmu fi strutturi tradizzjonali tal-iskola, u għalhekk jingħataw programm adattat permezz ta’ attivitajiet aktar hands-on biex ikunu jistgħu jiksbu ħiliet li eventwalment jgħinuhom fil-ħajja tagħhom.
“L-investiment tal-Gvern fl-edukazzjoni qed jara li ma jħalli lil ħadd lura jew ’il barra mill-edukazzjoni, u dan il-programm huwa eżempju ta’ kif pajjiżna qed jara li jinvesti fin-nies bħala parti mill-prijorità li nagħtu lill-edukazzjoni,” qal il-Ministru Grima. Din fil-fatt hija wkoll it-tema internazzjonali magħżula għal dan il-Jum.
Huwa tkellem ukoll dwar il-ħidma li qed issir f’dan is-settur għaliex il-Gvern jemmen li minn edukazzjoni bikrija u qabel il-primarja sal-edukazzjoni għolja kif ukoll l-edukazzjoni matul il-ħajja, it-tagħlim jippermetti lis-soċjetà tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħna. Huwa għalhekk li bħala Gvern, pajjiżna jagħti prijorità assoluta lill-edukazzjoni f’kull fażi tagħha.
Il-Ministru Grima saħaq li se tibqa’ għaddejja l-ħidma biex il-prijoritajiet li qed jingħataw lil dan is-settur iwasslu biex l-istudenti jkunu jistgħu jilħqu l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tagħhom.
Intant il-programm ALP jara li l-istudenti jiksbu ħiliet li eventwalment jgħinuhom fil-ħajja tagħhom. Dan isir waqt li l-istudenti identifikati għall-programm jibqgħu fl-iskola sekondarja tal-kulleġġ tagħhom. Tipikament, dawn l-istudenti jkunu f’iktar riskju li jkunu ELETs (Early Leavers from Education and Training).
Minbarra l-lezzjonijiet li huma iktar hands-on, dawn l-istudenti jkollhom ukoll sezzjonijiet ma’ professjonisti oħra, fosthom youth workers u mentor. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan huwa li l-istudenti jingħataw l-opportunità li jibqgħu f’sistema edukattiva li tappella għalihom u li jaraw ir-relevanza tagħha. Biex ikun assigurat li dan il- proġett ikun ta’ kwalità, isiru monitoraġġ u evalwazzjoni kontinwa biex il-programm dejjem jibqa’ jittejjeb għall- benefiċċju tal-istudenti.