Saturday, December 21, 2024

Il-Gvern qed jindirizza r-realtajiet tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna bi prijoritajiet ġodda għall-preżent u l-futur

Laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-MEA

Aqra wkoll

“Qed nagħmlu reviżjoni tal-politika tal-migrazzjoni tagħna biex din tkun aktar addattata għar-realtajiet u l-bżonnijiet tal-preżent u l-futur.”

Sostna dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget mal-Assoċjazzjoni ta’ min Iħaddem, l-ME.

Fil-fatt, ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru rrimarka l-ħidma tal-Gvern quddiem direzzjoni ġdida li ħa sabiex jindirizza sfidi u bżonnijiet ġodda li ġew xprunati mis-suċċess ekonomiku li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin.

Filwaqt li rrimarka li dan is-suċċess ekonomiku jrid ikompli jiġi assigurat b’mod għaqli, il-Prim Ministru sostna kif dan issa jrid iwassal għal prijoritajiet ġodda, fosthom kwalità ta’ ħajja aħjar, infrastruttura aktar b’saħħitha, investiment dirett barrani ta’ valur miżjud u aktar impjiegi ta’ kwalità.

Dr Abela sostna l-importanza wkoll li l-Gvern jibqa’ jkun ta’ spalla filwaqt li jinċentiva li min iħaddem. Tenna kif dan għamlu fil-passat quddiem sfidi bħall-pandemija b’miżuri bħall-Covid Wage Supplement u anke fiż-żmien li ġej bil-miżura tat-tnaqqis tat-taxxa li se tolqot l-iktar lill-faxxa tal-middle class f’pajjiżna.

“It-tax cuts nemmen li se jkollhom effett doppju. L-ewwel li l-introjtu li jieħdu lura d-dar l-persuni fil-faxxa tal-middle class tagħna jkun iktar imsaħħaħ u nemmen li dan jista’ jkompli jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Min naħa l-oħra se ninċentivaw aktar il-produttività għall-ħaddiema b’aktar inċentivi, b’aktar sehem f’pajjiżna li minnu jgawdi kulħadd.”

Intant, il-Prim Ministru tkellem dwar is-suq tax-xogħol f’pajjiżna u l-ħidma li diġà saret biex tiġi indirizzata r-realtà ta’ ħaddiema aktar milli meħtieġ f’setturi partikolari. Kien hawn li nnota wkoll il-ħidma li qed issir favur reviżjoni tal-politika tal-migrazzjoni ta’ pajjiżna, imsejsa fuq erba’ prinċipji differenti. Dawn jinkludu l-upskilling u r-reskilling tal-ħaddiema, li jiġu mħarsa d-drittijiet tagħhom, aktar stabbiltà u rati ta’ ritenzjoni tal-ħaddiema u għarfien tal-bżonn veru ta’ ħaddiema fl-industriji ta’ pajjiżna.

Il-Ministri Byron Camilleri, Clyde Caruana, Clifton Grima u Chris Bonett, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, il-Membri Parlamentari Ray Abela u Davinia Sammut Hili u l-Kap tas-Segretarjat Mark Mallia, akkumpanjaw lill-Prim Ministru tul din il-laqgħa.

Ekonomija

Sport