Saturday, March 21, 2026

Il-Gvern qed jiżgura li n-negozji jingħataw l-appoġġ meħtieġ – Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll


Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, indirizza avveniment organizzat minn Tastees Manufacturing Ltd li matulu l-kumpanija ħabbret it-tnedija ta’ prodotti ġodda.

L-avveniment serva wkoll bħala ċelebrazzjoni tal-mixja ta’ suċċess tal-kumpanija, li sa mit-twaqqif tagħha fl-1969 baqgħet tikber u tissaħħaħ, biex illum stabbiliet ruħha bħala waħda mill-kumpaniji ewlenin fil-qasam tal-manifattura tal-ikel f’pajjiżna, bi prodotti li kisbu post distint fis-suq lokali u lil hinn minnu.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Abela rrimarka li l-Gvern se jibqa’ impenjat biex isostni ekonomija, li tippermetti li jiġu appoġġjati negozji Maltin u Għawdxin li juru r-rieda u l-kuraġġ li jespandu. Huwa fakkar li, fi żmien meta bosta kumpaniji madwar l-Ewropa affaċċjaw sfidi u inċertezzi bla preċedent, il-Gvern Malti daħal biex jiżgura stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija, bil-għan li jagħti ċertezza lin-negozji sabiex ikunu jistgħu jkomplu jippjanaw għall-futur.

Huwa żied jgħid li l-inizjattiva Malta Business Wallet ser isservi bħala għodda diġitali li tissimplifika b’mod sostanzjali l-proċessi relatati mad-due diligence u l-obbligi ta’ compliance.

Dr Abela sostna li ekonomija reżiljenti u ppreparata għall-futur teħtieġ forza tax-xogħol imħejjija għall-isfidi t’għada. Għalhekk, il-Gvern qed ikompli jinvesti fit-tisħiħ tal-ħiliet tal-ħaddiema. Huwa qal li fix-xhur li ġejjin, permezz tal-inizjattiva “AI għal Kulħadd”, il-ħaddiema se jkunu mgħejuna biex ikomplu jtejbu l-ħiliet diġitali, b’hekk il-forza tax-xogħol f’pajjiżna tkun mgħammra biex tlaħħaq mal-avvanzi teknoloġiċi.

Il-Prim Ministru spjega wkoll kif dawn l-isforzi qed jiġu msaħħa permezz ta’ diversi skemi u assistenza offruti minn entitajiet pubbliċi fosthom Malta Enterprise, INDIS Malta u TradeMalta. Huwa qal li, permezz tal-assistenza mill-entitajiet pubbliċi, il-Gvern qed jiżgura li n-negozji jingħataw l-appoġġ meħtieġ.

Huwa sostna li kien proprju dan il-qafas ta’ appoġġ li ħeġġeġ kumpaniji bħal Tastees Manufacturing Ltd biex jinvestu aktar, jadottaw teknoloġiji ġodda u jkabbru l-operat tagħhom. Il-Prim Ministru qal li, permezz tal-investiment fit-teknoloġija u fl-awtomazzjoni, Tastees Manufacturing Ltd qed turi b’mod ċar li l-industriji lokali jistgħu jkomplu jevolvu, iżidu l-kapaċità produttiva tagħhom u jikkompetu b’suċċess fuq livell internazzjonali.

Dr Abela qal li l-viżjoni li tħaddan din il-kumpanija  hija konformi mal-prinċipji tal-Viżjoni Malta 2050 – viżjoni li tpoġġi enfasi fuq l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u l-ħolqien tal-valur miżjud.

Id- Deputat Prim Ministru Ian Borg qal li Tastees Manufacturing Ltd u l-espansjoni kontinwa tagħha, “juru kif bl-appoġġ ta’ entitajiet bħal TradeMalta, kumpaniji Maltin jistgħu jkomplu jikbru lil hinn minn xtutna u jilħqu swieq internazzjonali. Huwa żied jgħid li, “il-prodotti ta’ din il-kumpanija mhux biss jirrappreżentaw suċċess kummerċjali, iżda jservu wkoll bħala mezz kif nibqgħu nippromwovu lil Malta madwar id-dinja.”


“Dak li jipproduċu Tastees Manufacturing Ltd mhux biss sinonimu ma’ dawk kollha li jżuruna iżda qed jwassal l-kwalità u l-identità Maltija kull fejn jiġi esportat,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru Borg.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport