L-investiment f’Villa Portelli fil-Kalkara li se jsarraf fi spazju miftuħ u li jitgawda mill-pubbliku huwa eżempju ieħor ta’ kif dan il-Gvern kontinwament qed jembarka fuq proġetti li jagħtu spazji ġodda lin-nies fejn imorru mal-familja tagħhom biex jirrilassaw. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jiġi intervistat fuq One Radio.
“Spazji ġodda, jew bħal f’dan il-każ spazju li kien mitluq għal ħafna snin u li ħadna d-deċiżjonijiet meħtieġa biex nagħtuh il-ħajja. Dan pajjiż mimli ġojjelli u rridu nieħdu ħsiebhom. Għal Maltin tal-lum, iżda wkoll għal min jiġi warajna.”
Il-Prim Ministru emfasizza kif din l-idea li ninvestu fi spazji miftuħa hija across government u mhux proġett ta’ entita’ waħda biss.
“Ir-ritmu li qbadna huwa wieħed tajjeb li jien sodisfatt, iżda wkoll li se nżiduh. Beda x-xogħol fuq ġnien fil-Birgu, li kien wieħed minn numru ta’ proġetti li tfasslu mal-Kunsilli Lokali u qed jiġu implimentati madwar il-pajjiż.
F’Għawdex, fix-Xewkija, rajna l-bidu tal-ħidma fuq carbon neutral garden f’din il-lokalità li se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Għawdex. Dawn huma żewġ proġetti oħra kkordinati minn Project Green u li meta tgħaqqadhom kullana tara tieħu l-ħajja l-inizjattiva tagħna li ninvestu fi spazji miftuħa ġodda.”
Robert Abela sostna wkoll kif l-ewwel prinċipju fundamentali li jadotta dan il-Gvern dwar l-ambjent huwa li juri li fejn għandu x’jaqsam hu, qed jieħu d-deċiżjonijiet favur is-sostenibilita’ u favur l-ambjent. Huwa saħaq ukoll li l-ġonna fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna, speċjalment f’żoni urbani rridu nippreservawhom.
“Ta’ spiss iqum dibattitu dwar applikazzjonijiet li jiddaħħlu mal-awtorità tal-ippjanar, li per eżempju jkunu qed jipproponu li jieħdu ġonna f’żoni urbani fil-qalba tal-lokalità. Reġa’ kellna oħra fl-aħħar jiem. Hemm applikazzjonijiet li meta tara teknikament anke xi jgħidu r-regoli u l-liġijiet ikunu ‘non starter’ imma dak li jkun jgħid se jieħu ċans. Spiċċa ż-żmien li ngħidu ħa nieħu ċans. Min jgħid se jieħu ċans jekk xi ħaġa mhix skont il-policy ikun qed jaħli r-riżorsi tiegħu u tal-awtoritajiet u jqajjem agħa għalxejn. U jagħmlu sew Kunsilli Lokali li jitkellmu dwar dawn it-tip ta’ applikazzjonijiet,” qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-fatt li bħalma l-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu, is-settur privat irid jagħmel tiegħu wkoll. Il-fatt li għandek proprjetà privata ma jfissirx li m’għandekx ċerti obbligi lejn is-soċjetà.
“Filwaqt li dan gvern li kien għadu u se jibqa’ jappoġġja l-investiment, iżda rridu investiment li jagħmel sens fil-prijoritajiet tal-pajjiż. U l-ħarsien tal-ambjent tagħna, il-bilanċ f’dan is-settur hu wieħed minnu. Kif dejjem ngħid ejjew b’investimenti li jagħmlu sens f’din it-tranżizzjoni ekonomika li qed inpoġġu ‘l quddiem u ssibu gvern jappoġjakom.”
Dwar Ħondoq ir-Rummien, Robert Abela qal li se jsir kif il-Partit Laburista wiegħed fil-manifest elettorali.
“Aħna ma skoprejnix Ħondoq ir-Rummien din il-ġimgħa. Fil-manifest elettorali għidna ċar li bħala Partit Laburista se naraw li ma jsir ebda żvilupp f’Ħondoq. Dak li wiegħed il-partit, dak li wegħidt jien u dak huwa li se nagħmlu. Issa fil-ġimgħat li ġejjin se jibda l-proċess biex isiru l-bidliet fil-liġijiet taI-ippjanar, nagħtu s-serħan il-moħħ li Ħondoq ir-Rummien ma jkunx żviluppat.”