Kburi bl-iżvilupp ekonomiku li għamel pajjiżna fl-aħħar snin, is-suċċess fis-suq tax-xogħol, u konxju tal-isfidi li għandu pajjiżna llum, il-Gvern qed jimbarka fuq riformi ambizzjuża. Riforma maħsuba biex toħloq il-bilanċ meħtieġ.
Fuq naħa, il-Gvern jemmen li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin għandhom ikollhom is-servizzi li jeħtieġu u li jixtiequ, fl-istess ħin irid jara li l-kontrolli ta’ min jidħol jaħdem f’pajjiżna mhux biss ikunu f’idejn l-awtoritajiet Maltin, iżda jiġu mħaddma fl-interess tas-soċjetà Maltija fejn jirbaħ dejjem l-interess tal-ħafna u mhux tal-ftit.
Din ir-riforma kif proposta tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha spjegaw l-erba’ prinċipji li jsawru din ir-riforma li huma l-istabbiltà, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-fatt li jiġu biss ħaddiema fejn hemm bżonn u l-enfasi fuq it-taħriġ. Minn dawn il-prinċipji joħorġu 32 rakkomandazzjoni.
Waħda mir-rakkomandazzjonijiet hi li biex jiġu inkoraġġit aktar persuni jibqgħu fl-impjieg, il-perjodu ta’ tiġdid jiġi estiż minn sena għal sentejn, sakemm ħaddiem minn pajjiż terz jingħata kuntratt validu għal perjodu ta’ mhux inqas minn sentejn. Se jkun hemm ukoll l-obbligu li l-pagi ta’ dawn il-ħaddiema imorru direttament fil-bank u dan bil-għan li jiġi aċċertat li l-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġu mħarsa skont il-kuntratt.
STABBILTÀ
Din ir-riforma għandha l-għan li tippromwovi l-istabbiltà fis-suq tax-xogħol. Għalhekk tikkastiga l-attitudni ta’ min jemmen li jista’ jġib ħaddiema barranin kemm jiflaħ mingħajr ma jinvesti l-ewwel f’inizjattivi li jżidu l-produzzjoni u jinċentivaw l-investiment fil-ħiliet.
Fuq kollox hija riforma li temmen f’min juri l-impenn li jifhem u jħaddan il-ħajja Maltija u għalhekk qed ikunu proposti sistemi li jwasslu biex min iħaddem ikun jaqbillu jżomm f’Malta ħaddiema li diġà għandu.
DRITTIJIET TAL-ĦADDIEMA
Bil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema jgawdi kulħadd. Għalhekk qed tkun proposta riforma aktar iebsa ma’ min ma jħarisx id-drittijiet tal-ħaddiema u jikkuntenta biss bil-minimu għax jemmen li minflok dak li għandu jista’ jaqbad u jġib ħaddiem iġib ieħor.
Din hi attitudni li tista’ tolqot b’mod negattiv lil ħaddiem Malti. Fl-aħħar snin il-ħaddiem Malti mexa ’l quddiem u progressa. Bl-enfasi fuq id-drittijiet mhux biss naraw li kulħadd ikollu d-dinjità tiegħu, iżda nassiguraw li ma jkunnx hawn kompetizzjoni inġusta fis-suq tax-xogħol.
KONTROLL, BIEX JIĠU FEJN HEMM BŻONN BISS
Se jkun assigurat li l-ħaddiema minn pajjiżi terzi jiġu biss f’setturi fejn il-pajjiż għandu bżonn. Fil-fatt, ir-riforma tagħmel numru ta’ eċċezzjonijiet f’setturi kruċjali bħas-saħħa u l-kura tal-anzjani. Iżda, hemm oqsma oħra fejn id-deċiżjonijiet jridu jittieħdu kontinwament billi tkun analizzata s-sitwazzjoni b’mod kontinwu. Il-Gvern diġà wera li ma jiddejaqx jagħmel dan, bil-mod kif irregola l-food couriers u x-xufiera tal-y-plates.
INVESTIMENT FIL-ĦILIET
Biex is-suq tax-xogħol jaħdem b’mod effiċjenti u ġust, irid ikun hemm enfasi dwar il-ħiliet. Hekk il-pajjiż ikun aktar produttiv, il-ħaddiema jkunu ta’ aktar kwalità u konsegwenza ta’ hekk tinħoloq aktar stabbiltà għax min iħaddem jibża’ iktar għall-investiment ili jkun hemm fit-taħriġ fejn jenfasizza iktar il-kwalità u mhux in-numri. Għalhekk, hawn ukoll ir-riforma tinċentiva u tippremja lil min jagħżel din it-triq, filwaqt li l-introduzzjoni tal-iskills card fis-settur tat-turiżmu se tkun estiża għal setturi oħra.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-politika li qed iressaq il-Gvern hi waħda kruċjali għal-livell li jmiss li jrid jilħaq pajjiżna. “Il-Gvern qed jaħdem fuq il-Viżjoni Malta 2050 u din il-politika hija waħda mill-pedamenti essenzjali”, irrimarka l-Prim Ministru, li fisser kif politika pro-market li hu favuriha l-Gvern tfisser politika ekonomika tajba kemm għan-negozji iżda anki għall-familji. “F’pajjiżna jidħlu biss dawk il-ħaddiema li pajjiżna jeħtieġ u dan il-bżonn jiddeterminawh l-awtoritajiet fuq bażi ta’ kriterji ekonomiċi u soċjali wiesgħa”, qal Dr Abela.
Il-Prim Ministru qal li ’l bogħod mill-populiżmu, dan il-Gvern se jġib bidla importanti oħra bi stabbiltà u appoġġ anki lil min iħaddem b’mod serju. “Aħna lin-negozji rriduhom jikbru, b’ħiliet aħjar biex b’hekk inkomplu naħdmu lejn pajjiż ta’ kwalità”, spjega l-Prim Ministru Robert Abela.
Dr Abela qal ukoll, “L-opportunitajiet ekonomiċi, l-ewwel għandhom igawdu minnhom il-Maltin u l-Għawdxin u finalment jekk xorta jkun hemm ħtieġa ta’ ħaddiema barranin f’setturi differenti, irridu nkunu ċerti li dawn mhux se jiġu sfruttati.” Żied jgħid li din il-politika hi intiża biex l-awtoritajiet ikollhom il-kontroll ċar fuq dħul ta’ ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea. Spjega kif il-pajjiż se jkollu għajnejh miftuħa kontra l-abbużi u dan favur anki l-interess tal-poplu Malti.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri tenna li dak li hu meħtieġ għal pajjiżna qed inressquh ’il quddiem. Spjega li l-pajjiż tkellem ħafna dwar il-bidla f’dan is-settur u li issa l-mument li nwettquha. Emfasizza li din hi riforma ħolistika, riforma kuraġġuża, fejn diversi miżuri jikkumplimentaw lil xulxin, u li finalment se jwasslu biex il-Gvern jikseb ir-riżultati mixtieqa.
Spjega li l-Gvern jifhem li hemm oqsma li jeħtieġu ħaddiema minn pajjiżi terzi, anke għax dan hu pajjiż li l-popolazzjoni tiegħu qed tixjiħ, u b’rata ta’ fertilità baxxa. “Però nafu wkoll li ma jagħmel ebda sens li jkollna min iħaddem b’mudell li jġib ħaddiema minn pajjiżi terzi mingħajr ma jiffoka fuq il-ħiliet u kif wara li jkunu ġew f’pajjiżna jkunu mgħejjuna biex jifhmu l-ħajja f’Malta. Min jiġi hawn irid jadatta u mhux bil-kontra, għax meta jiġri bil-kontra, is-soċjetà Maltija terfa’ piż li nemmnu li m’għandix terfa. Għalhekk se nippremjaw lil min iżomm il-work-force li għandu u mhux min il-ħin kollu jneħħi l-ħaddiema biex iġib oħrajn ġodda. Min-naħa l-oħra min ineħħi n-nies bl-addoċċ biex il-ħin kollu jġib oħrajn irid iħallas prezz, inkluż billi jkollu permessi għall-ħaddiema ġodda mwaqqfa.”
Il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar kif din il-policy tħares id-drittijiet tal-ħaddiema. “Li nassiguraw li l-ħaddiema jkollhom id-drittijiet imħarsa mhux burokrazija żejda, iżda huwa dak li nemmnu u dak li rridu. Għalhekk se nsaħħu l-infurzar, u ndaħħlu miżuri li jagħmluha faċli għall-awtoritajiet Maltin jassiguraw li d-drittijiet qed ikunu mħarsa.”
Ikkonkluda li rridu mbagħad, niffokaw iktar fuq il-ħiliet. “Anke fejn hu meħtieġ li jkollna ħaddiema minn pajjiżi terzi, irridu nassiguraw il-kwalità. Għalhekk, se ninċentivaw lil min jinvesti fil-ħiliet tal-ħaddiema tiegħu. Irridu ndaħħlu wkoll kunċetti ta’ korsijiet ta’ integrazzjoni sa min qabel wieħed jiġi Malta. U dan bħala ftit eżempji.”
Din ir-riforma hi miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika sad-9 ta’ Frar 2025 u l-pubbliku huwa mħeġġeġ sabiex jgħid tiegħu fuq publicconsultation.gov.mt.