Friday, May 3, 2024

Il-Gvern se jibqa’ jagħmel ċert li ċ-ċittadinanza tingħata lil min tassew jistħoqqlu

Aqra wkoll

Il-Gvern Malti innota l-Opinjoni Motivata tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskema taċ-Ċittadinanza Maltija b’investiment. 

Fi stqarrija, il-Gvern qal li din il-kompetenza hi waħda ta’ natura nazzjonali ta’ kull Stat Membru u hekk għandha tibqa’. Minkejja tali kompetenza, il-Gvern qal li se jibqa’ jagħmel ċert illi ċ-ċittadinanza tingħata lil dawk l-individwi li tassew ikun jistħoqqilhom, filwaqt li jkompli jżomm kuntatt mal-Kummissjoni.

Il-Gvern żied jgħid lii se jkun qed janalizza l-kontenut tal-imsemmija Opinjoni tal-Kummissjoni u se jintbagħat komunikat lura lill-Kummissjoni Ewropea fiż-żmien li ġej.

Il-Gvern Malti qal dan wara li llum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Malta rigward l-iskema tagħha taċ-ċittadinanza b’investiment, magħrufa wkoll bħala skema ta’ “passaporti tad-deheb”. 

Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li tqis li l-għoti taċ-ċittadinanza tal-UE għal pagamenti jew investimenti determinati minn qabel mingħajr ebda rabta ġenwina mal-Istat Membru kkonċernat, qed jikser il-liġi tal-UE.

Il-Kummissjoni fakkret kif fl-20 ta’ Ottubru 2020, hija ddeċidiet li tibgħat ittra ta’ avviż formali lil Malta fejn talbet li tittermina l-iskema tagħha ta’ ċittadinanza b’investiment u sussegwentement bagħtet avviż formali ieħor fid-9 ta’ Ġunju 2021, wara l-introduzzjoni ta’ skema ġdida minn Malta fi tmiem l-2020.

Innotat li Malta dan l-aħħar issospendiet din l-iskema l-ġdida għaċ-ċittadini Russi u Belarussi wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Filwaqt li qalet li dan kien pass pożittiv, żiedet tinnota lii Malta qed tkompli tħaddem l-iskema għaċ-ċittadini l-oħra kollha u ma esprimiet l-ebda intenzjoni li twaqqafha. Il-Kummissjoni qalet li tqis li tali skema tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera u tikser l-istatus innifsu taċ-ċittadinanza tal-Unjoni kif stabbilit fit-Trattati. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li llum tibgħat opinjoni motivata lil Malta.

Intqal li Malta issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u jekk it-tweġiba ma tkunx sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Sport