Sunday, December 22, 2024

Il-gvern se jibqa’ jagħti appoġġ lill-industrija turistika

Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Baġit 2022 mal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ssokta b’aktar laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ stakeholders ewlenin dwar it-tfassil tal-Baġit 2022. F’laqgħa li saret dalgħodu ġiet diskussa l-industrija tat-turiżmu li kienet l-iktar industrija milquta mill-pandemija tal-COVID-19.

F’intervent qasir fil-bidu tal-laqgħa, il-Prim Ministru qal li dan il-gvern wieżen bil-bosta lil din l-industrija. Semma l-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika, il-wage supplement, l-inċentivi marbuta mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-vawċers, u kif dawn kienu ta’ sostenn għall-industrija turistika. “Kien propju mal-MHRA li wellidna l-kunċett tal-wage supplement”, stqarr il-Prim Ministru, “għotja li fissret li ġew issalvagwardjati eluf ta’ impjiegi”.

Saħaq li l-prospetti turistiċi għall-ġimgħat li ġejjin huma favorevoli hekk kif l-industrija tkompli tirpilja b’mod gradwali. Dr Abela saħaq li l-gvern se jibqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu anke permezz tal-Pjan ta’ Rkupru li se jkun qed jibbenefika minnu l-Istitut għall-Istudji Turistiċi.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA Tony Zahra ddeskriva l-pandemija bħala xokk kbir għall-industrija tat-turiżmu u kif grazzi għas-sostenn tal-gvern ġew salvati numru sostanzjali ta’ impjiegi filwaqt li bdiet it-triq għall-irkupru.

Huwa qal li jeħtieġ li nħarsu ‘l quddiem biex inkomplu negħlbu l-isfidi flimkien.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, il- Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Kull min jixtieq jaqsam l-aspirazzjonijiet tiegħu għall-Baġit 2022 u jkun parti mid-diskussjoni jista’ jagħmel dan billi jżur finanzi.gov.mt/22.

Ekonomija

Sport