Sunday, November 24, 2024

“Il-Gvern se jibqa’ jappoġġja t-tradizzjonijiet Maltin”

- Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Fi żjarat li għamel fil-Birgu u f’Ħal Safi, żewġ lokalitajiet li qed jiċċellebraw il-festa tagħhom, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela bagħat messaġġ ċar li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja t-tradizzjonijiet Maltin.

“Irridu nħarsu dak li jagħmilna Maltin, u f’kull qasam tal-ħajja se nieħdu d-deċiżjonijiet li jħarsu l-identità tagħna,” ikkummenta l-Prim Ministru f’waħda minn sensiela ta’ żjarat qrib il-komunità fil-lokalitajiet ta’ pajjiżna.

L-investiment fl-aspett kulturali, huwa aspett wieħed minn dawn. Tant li l-Gvern ħa numru kbir ta’ inizjattivi biex jgħin lil dawk li b’mod volontarju jagħmlu possibbli l-festi fl-ibliet u l-irħula li huma parti mit-tessut soċjali ta’ pajjiżna u parti kbira mill-prodott kulturali li toffri Malta. B’inizjattivi li ħarsu l-preżenza ta’ soċjetajiet mużikali li fil-qalba tal-irħula, jippromwovu t-tagħlim tal-mużika u skemi oħra li fost oħrajn iżiedu s-sigurtà fil-postijiet fejn tinħadem il-piroteknika jew oħrajn ġodda li għenu lis-sezzjonijiet tal-armar li huma wkoll investiment fl-arti f’pajjiżna.

“Dan l-investiment isir biex nippromwovu l-volontarjat li tant itejjeb il-ħiliet taż-żgħażagħ tagħna u anke jżommhom bogħod mill-vizzji u nseddqu l-ispirtu ta’ komunità,” żied il-Prim Ministru.

Matul dawn iż-żjarat il-Prim Ministru ltaqa’ mal-komunità u l-persuni li kienu qed igawdu l-festa filwaqt li żar iċ-ċentri soċjali u kulturali tal-lokal.

Sport