Sunday, March 8, 2026

“Il-Gvern se jibqa’ jassigura stabbiltà u serħan il-moħħ lill-familji u lin-negozji fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali ġeopolitika”

Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela rrefera għas-sitwazzjoni ġeopolitika internazzjonali li qed tiżviluppa bħalissa u qal li l-Gvern se jibqa’ jassigura stabbiltà u serħan il-moħħ lill-familji u lin-negozji fid-dawl tat-tensjoni fil-Golf Għarbi u l-Lvant Nofsani. 

Spjega kif pajjiżi li normalment huma magħrufa għat-trankwillità tagħhom, inklużi postijiet fl-Emirati Għarab Magħquda bħal Dubai, sabu ruħhom jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli.  F’dan l-isfont, Dr Abela qal li Malta b’ekonomija b’saħħitha u finanzi pubbliċi b’saħħithom jistgħu xorta waħda jwasslu biex jintlaħqu t-targets finanzjarji inkluż it-tnaqqis tad-defiċit, fl-istess waqt li l-Gvern ikun jista’ jibqa’ jgħin lill-familji u lin-negozji.

Dr Abela qal li dan jidher b’mod ċar fil-politika tal-Gvern dwar il-prezzijiet tal-enerġija. Huwa rrimarka li filwaqt li f’pajjiżi oħra Ewropej il-prezzijiet tal-enerġija żdiedu b’mod sostanzjali, Malta qed iżżomm il-prezzijiet stabbli permezz ta’ sussidji.  

Bla sussidju mill-Gvern kieku l-familji u n-negozji jħallsu prezzijiet ogħla tal-enerġija

Dr Abela spjega li kieku l-Gvern ma jagħtix dan is-sussidju, il-prezz tal-petrol f’pajjiżna jkun ta’ 38 ċenteżmu iktar għal kull litru, filwaqt li d-diesel ikun jiswa 45 ċenteżmu iktar għal kull litru.  Il-Prim Ministru qal li dan ifisser li għal kull €100 li llum jonfqu l-familji u n-negozji fuq il-fjuwil, bla sussidju kieku jkollhom jonfqu €138 fuq il-petrol jew €145 fuq id-diesel rispettivament.

Dr Abela rrimarka wkoll li l-prezzijiet tal-elettriku madwar l-Ewropa diġà żdiedu b’madwar 70%, jiġifieri kważi rdoppjaw. Madankollu sostna li l-Gvern se jibqa’ jkun it-tarka tan-nies billi jassigura l-istabbiltà permezz tas-sussidji li qed jingħataw u li l-pajjiż se jkompli joffri stabbiltà sħiħa billi jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli.

Semma wkoll l-isforzi li saru biex jiġu lura Maltin li kienu maqbuda barra minn Malta minħabba s-sitwazzjoni internazzjonali.  Irringrazzja lill-korp diplomatiku Malti għall-ħidma dedikata, u qal li kien hemm kuntatt kontinwu kemm mal-persuni li kienu maqbuda barra minn Malta kif ukoll mal-familjari tagħhom.  Dr Abela qal li dawn kienu sigħat diffiċli ħafna, iżda rrimarka li l-Gvern kien determinat li jġib lura lil dawk kollha li kienu maqbuda barra l-pajjiż minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli.

Dr Abela rrefera wkoll għall-politika tan-newtralità ta’ Malta u qal li llum din hija iktar relevanti minn qatt qabel. Irrimarka li hemm stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea li qed jiffaċċjaw sfidi partikolari minħabba l-preżenza ta’ bażijiet militari fil-pajjiż tagħhom.  Temm jgħid li l-Gvern se jibqa’ jgħin lill-poplu Malti biex jipproteġih minn kull xokk ekonomiku u mill-isfidi internazzjonali li qed tiffaċċja d-dinja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport