Monday, November 18, 2024

Il-Gvern se jindirizza l-problema tal-istaġjonalità f’Għawdex

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-settur tat-turiżmu f’Għawdex huwa importanti ħafna għax jiġġenera l-flus. Fil-fatt, it-turisti kemm dawk Maltin, kif ukoll dawk barranin jonfqu ammont konsiderevoli meta jżur lil din il-gżira fejn qabel il-Covid, 2018 f’akkomodazzjoni, ikel u vjaġġar, dawn nefqu total ta’ €226 miljun. Minħabba l-Covid-19 fl-2019 it-turisti u l-infieq tagħhom f’Għawdex naqas għal €201 miljun u fl-2020 għal €93 miljun. Iżda, problema li taffettwa t-turiżmu f’Għawdex aktar minn dik ta’ pandemija, li tista’ tgħid qegħdin nirkupraw minnha, hija l-problema tas-staġjonalità fejn hemm xhur li fihom it-turiżmu jinżel konsiderevolment.

Minn statistika pprovduta mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu t’Għawdex (GTA) fil-fatt, jirriżulta li l-inqas xhur li fihom ikun iġġenerat negozju mit-turiżmu huma bejn Jannar u Marzu mentri l-aħjar xhur huma bejn Lulju u Settembru. 

F’dawn l-aħħar snin, jekk wieħed iqabbel dawn il-perjodi jara li fl-2018 bejn Jannar u Marzu kien hemm 6,642 turisti li waslu Għawdex mentri bejn Lulju u Settembru dan kien ta’ 21,111. Is-sena ta’ wara, 2019 fl-istess xhur tax-xitwa l-ammont ta’ turisti f’Għawdex kien ta’ 4,737 mentri fit-tliet xhur tas-sajf waslu 19,800. Fl-agħar sena tal-Covid-19, l-2020, f’din il-gżira bejn Jannar u Marzu kien hemm 3,421 turisti u 5,324 fis-sajf. Imbagħad, fl-2021 it-total ta’ turisti fix-xitwa li marru Għawdex kien ta’ 700 biss mentri mbagħad bejn Lulju u Settembru telgħu għal 9,977. Għal din is-sena l-informazzjoni li għandna s’issa hija dik ta’ bejn Jannar u Marzu l-ammont  tela’ għal 2,751 u bejn April u Ġunju qabeż għal 11,400. Din iż-żieda, kif ukoll mill-andament tas-snin ta’ qabel tindika li x-xhur tas-sajf huma aktar b’saħħithom. 

Id-differenza ta’ kemm imorru turisti fl-istaġuni differenti hija ċara u bil-għan li tkun indirizzata din il-problema, fil-Budget 2023 il-Gvern ħabbar skema li proprju hija mistennija li tgħin biex jintlaħaq bilanċ fin-numri ta’ turisti tul is-sena kollha. 

Ekonomija

Sport