Saturday, December 28, 2024

Il-Gvern se jippreżenta pakkett għall-irkupru tal-ekonomija fil-jiem li ġejjin

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub Minn Melvin Farrugia

Fil-ġranet li ġejjin, il-Gvern se jkun qed jippreżenta pakkett għall-irkupru tal-ekonomija – Recovery Budget, li jinkludi diversi miżuri ġodda biex jerġa’ jqajjem lill-ekonomija fuq saqajha. 

Hekk sostna l-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji, Edward Scicluna li f’intervista ma’ inewsmalta spjega kif sa mill-bidu ta’ din il-pandemija, il-Gvern intervjena biex jgħin lill-familji, lin-negozji u lis-self-employed permezz ta’ wieħed mill-pakketti finanzjarji b’saħħithom u effikaċi li ppreżenta. Sostna li konferma ta’ dan ingħatat mill-Columbia University ta’ New York li poġġiet lil Malta fil-quċċata fejn tidħol għajnuna mill-Gvernijiet. 

Il-Ministru qal li bl-istess mod il-Gvern se jibqa’ kommess li jgħin bis-sħiħ lill-familji u lill-intrapriżi biex nirkupraw minn din il-pandemija u għalhekk qal li fil-ġranet li ġejjin se jiġi ppreżentat pakkett għal irkupru tal-ekonomija – Recovery Budget, li jinkludi diversi miżuri ġodda biex l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha. 

Nibnu fuq il-pilastri tal-viżjoni u r-rieda

Mistoqsi dwar liema huma l-pilastri ekonomiċi li l-pajjiż għandu jkompli jibni fuqhom biex noħorġu minn din il-pandemija, il-Ministru Scicluna qal li l-ikbar pilastri li bih pajjiżna mhux biss jibqa’ fil-wiċċ, iżda jibqa’ jtellaq u jibqa’ minn ta’ quddiem huma l-viżjoni u r-rieda. Saħaq li ċ-ċirkostanzi  jitolbu ħsieb u għaqal, biex niffaċċjaw ir-riskju b’mod li nimmaniġġjawh favorina. 

Spjega li hemm tliet triqat kif nistgħu niffaċċjaw dan ir-risku reali lejn is-saħħa u l-ħajja. Qal li nistgħu ningħalqu b’mod assolut f’lockdown mentali u fiżiku, b’tolleranza żero, li sfortunatament joqtolna bil-ġuħ u jmarradna mentalment. Inkella qal li hemm it-triq l-oħra ta’ dak li jaħseb li l-pandemija hi xi ħolma li qomna minnha u jekk tneħħi l-biża’ tista’ tagħmel li trid. Madankollu, qal li t-triq tal-għaqli hi dik li tkun realistà, fejn taf li hemm riskju reali iżda timmaniġġjah bil-galbu u tagħmel l-affarijiet b’mod sigur. Fil-fatt, hu qal li numru ta’ setturi diġà għexu din is-sitwazzjoni.

Semma kif setturi ekonomiċi bħall-kostruzzjoni, is-servizzi finanzjarji u professjonali u l-manifattura baqgħu għaddejjin u qegħdin ipattu għal dawk is-setturi li l-iktar li ġew impattati bħat-turiżmu. Qal li l-aġilità u l-kompettività ta’ pajjiżna, biex nidħlu f’dawk is-setturi ġodda, kienet katalista biex l-intrapriżi Maltin ikunu flessibbli u jaddattaw malajr għas-sitwazzjoni l-ġdida li ġabet magħha din il-pandemija. Għalhekk qal li l-Gvern se jkomplu jaħdem fuq diversifikazzjoni aktar wiesgħa tal-ekonomija Maltija, filwaqt li jkompli jsaħħaħ is-setturi eżistenti.

Scicluna qal li pilastru importanti ieħor hu li nkomplu ninvestu u nagħtu r-riżorsi kollha neċessarji lis-sistemi tas-saħħa tagħna. Saħaq li s-sistema robusta tas-saħħa pubblika li għandna f’pajjiżna kienet strumentali biex nillimitaw it-tixrid tal-virus u nevitaw li mmorru għal lockdown sħiħ. Qal li dan wassal biex ma ssirx ħsara devastanti, bħal dik li ġarrbu wħud mill-pajjiżi ġirien tagħna.

Ma’ dawn semma wkoll ir-rata għolja tat-tfaddil mill-familji Maltin u Għawdxin f’dawn l-aħħar snin, u qal li dan ukoll kien fattur importanti li taffa l-impatt tal-kriżi fuq il-konsum. Għalhekk, Scicluna qal li bħala Gvern se jaħdem biex ikompli jimplimenta aktar miżuri li jħallu aktar flus fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin. 

L-ewwel mewġa xxokkjat… it-tieni mewġa le

Rigward is-sitwazzjoni li kellna niffaċċjaw, il-Ministru Scicluna qal li l-ikrah tal-ewwel mewġa kien li ħadd ma ħolomha, ġiet ħesrem, ma kellna ebda tagħrif ta’ xejn dwar il-virus u lanqas dwar kif l-awtoritajiet tas-saħħa kellhom jaħdmu. Sostna li kulħadd kien taħt xokk. 

Min-naħa l-oħra, hu qal li t-tieni mewġa ma tbatix minn dawn il-fatturi. Spjega li issa għandna aktar tagħrif kemm dwar il-virus, dwar il-mod kif l-isptarijiet għandhom jimxu u anke l-protokolli għal kull min jaħdem fil-kamp tas-saħħa u issa anke għal kull settur ekonomiku.

F’dan l-isfond, Scicluna qal li l-Gvern se jkompli jieħu l-passi kollha meħtieġa biex issa li pajjiżna qed jirkupra b’ritmu tajjeb, ma jispiċċax f’riskju li jgħaddi mit-tieni mewġa. Sostna li dan ifisser li l-Gvern se jkompli jikkomunika b’mod regolari mal-pubbliku u jipprovdi kontinwament, bħalma diġà qed isir, il-linji gwida, il-protokolli u r-regoli li l-operaturi ekonomiċi jridu jimxu magħhom biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa pubblika. Il-Minstru qal li l-Gvern fiduċjuż li l-poplu Malti u Għawdxi se jibqa’ jsegwi dawn il-protokolli u jibqa’ jagħti prijorità lis-saħħa.

Inkomplu bl-istrateġija ta’ ‘making work pay’ 

Mal-Ministru Edward Scicluna tkellimna wkoll dwar it-triq ‘il quddiem u jekk hux se nkomplu bl-istrateġija fejn il-Gvern inaqqas it-taxxi ħalli n-nies ikollhom il-flus x’jonfqu. Spjegalna li l-istrateġija ta’ making work pay hi relevanti ħafna llum għax tinċentiva lil kull min irid jerġa’ jistartja n-negozju u jrid min jagħmillu l-kuraġġ. 

Qal ukoll li jekk inkomplu b’din l-istrateġija b’mod prudenti, li jintefqu flus f’miżuri li jrendu lura għall-pajjiż, bħalma huma ċ-ċentri ta’ childcare b’xejn, it-tapering tal-benefiċċji u l-iskema tal-inwork benefit fost oħrajn, li jgħinuna nqumu fuq saqajna biex inkomplu t-triq li qbadna, allura l-Gvern jibqa’ f’pożizzjoni li ma jkollux għalxiex iżid piżijiet żejda fuq il-familji u l-ħaddiema.

F’dan ir-rigward, staqsejna wkoll jekk il-Gvern hux se jibqa’ jagħti aktar għajnunjiet. Il-Ministru qal li s-surpluses annwali konsekuttivi li għamel il-Gvern, flimkien mal-flus imġemmgħin mis-sistema tal-IIP, kif ukoll it-tnaqqis fid-dejn, ippermettew li l-Gvern ikun f’pożizzjoni li jgħin lill-familji u lin-negozji f’dawn l-aħħar xhur. 

Sostna li l-pjan tal-Gvern hu li jkomplu jagħmel dan, iżda sostna li l-Gvern ma jista’ qatt jissostitwixxi lill-privat, li hu l-magna tal-ekonomija. Għaldaqstant, hu qal li s-settur privat irid jaddatta għal din ir-realtà ġdida, kif diġà qed isir biex jikkontribwixxi l-parti tiegħu, filwaqt li l-Gvern se jkompli jkun ta’ spalla u jintervjeni fejn hemm bżonn. 

“Se nirkupraw aktar malajr minn pajjiżi oħra”

Mistoqsi dwar jekk hux se jkun faċli li nirkupraw malajr ekonomikament minħabba l-għajnuniet li ngħataw, il-Ministru qal li l-fatt li bħala pajjiż tlaqna minn punt ta’ tluq b’saħħtu, kemm mil-lat ekonomiku, kif ukoll mil-lat ta’ finanzi publiċi, se jgħinna biex nirkupraw relattivament aktar malajr minn pajjiżi oħra.  

Semma kif l-ewwel ħareġ ir-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) li qed ibassar li Malta tirreġistra l-inqas tkabbir ekonomiku negattiv minn fost il-pajjiżi kollha. Qal li mbagħad segwa warajh ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea (KE), li qed tistenna li t-tkabbir ekonomiku f’Malta fl-2021 ipatti b’iżjed mid-daqqa ekonomika li pajjiżna mistenni jieħu din is-sena. Barra minn hekk, qal li diversi aġenziji tal-kreditu saħqu wkoll li Malta qiegħda f’pożizzjoni relattivament aħjar minn pajjiżi oħra biex terġa’ lura fuq saqajha u tirkupra t-telf.

Strateġija għaqlija li faddalna

Fuq kollox, il-Ministru Scicluna qal li kienet għaqlija l-istrateġija adottata mill-Gvern li meta l-ekonomija kienet sejra tajjeb, faddalna ħalli nkunu ppreparati għaż-żminijiet inqas feliċi. Sostna li l-istess sar mis-settur privat, li kien bilgħaqal u rnexxielu jġemma’ u jġemma’ sew biex b’hekk jinsab f’sitwazzjoni aħjar minn pajjiżi oħra f’dan il-perjodu. Spjega li t-tfaddil qed iservi ta’ ossiġnu għall-intrapriżi u għall-familji f’dan iż-żmien diffiċli. 

Sabiex nibqgħu f’din il-pożizzjoni, il-Ministru qal li hu importanti li nkomplu nippjanaw u naħdmu bilgħaqal kif dejjem għamilna, kemm bħala Gvern u anke bħala pajjiż. Sostna li bħala Gvern, dan ma ħalliex it-tkabbir ekonomiku jitla’ għal rasu. 

Għalhekk qal li jeħtieġ li l-Gvern jibqa’ jkun responsabbli u jassigura li filwaqt li jipprovdi l-għajnuna finanzjarja meħtieġa, ma jitlifx il-kontroll fuq id-dejn nazzjonali, għax dan jiddetermina kemm l-ekonomija tirkupra malajr u kemm tkun ippreparata għal avvenimenti oħra li mhumiex prevedibbli fil-futur.

Ekonomija

Sport