Tuesday, February 24, 2026

Il-Gvern se jipproponi għall-approvazzjoni Parlamentari l-allokazzjoni ta’ sit f’Pembroke għall-iżvilupp tal-Kampus tal-Futbol ta’ Valletta FC

Aqra wkoll

It-Tnejn filgħaxija l-Prim Ministru Dr. Robert Abela ħabbar li l-Gvern se jipproponi għall-approvazzjoni Parlamentari l-allokazzjoni ta’ sit f’Pembroke għall-iżvilupp tal-Kampus tal-Futbol ta’ Valletta FC bħala kampus ewlieni reġjonali tal-isport u l-komunità.

Dan kien proċess komprensiv u estensiv, li laħaq il-qofol tiegħu bis-sottomissjoni ta’ proposta għall-approvazzjoni Parlamentari.

L-allokazzjoni tas-sit iġġorr ukoll valur soċjali sinifikanti fit-tul, billi tpoġġi enfasi fuq il-benesseri, l-iżvilupp taż-żgħażagħ, is-saħħa, l-isport, l-inklużjoni soċjali, ir-riġenerazzjoni, u komunitajiet aktar sikuri.

Fi stqarrija fuq il-media soċjali, Valletta FC sostnew li huma kienu qed jilqgħu r-rieda tal-gvern li joħloq benefiċċju wiesa’, billi jippermetti lil eluf ta’ atleti jużaw il-faċilitajiet, avvenimenti komunitarji, sħubijiet tal-iskejjel, futbol tan-nisa u programmi ta’ inklużjoni.

Il-Kampus tal-Futbol ta’ Valletta FC se jkun l-ewwel faċilità sportiva tat-tip tiegħu f’Malta, li tifforma parti minn pjan ewlieni ħolistiku mmirat biex iwassal infrastruttura sportiva ta’ livell għoli. Il-Kampus se joħloq opportunitajiet ġodda fil-futbol, is-saħħa, ir-rijabilitazzjoni, ix-xjenza tal-isport, il-maniġment, l-edukazzjoni u attivitajiet anċillari relatati.

L-allokazzjoni tal-art, li issa hija soġġetta għal proċess Parlamentari, hija allinjata bis-sħiħ mal-politika tal-ippjanar, u fi ħdan il-qafas tal-ippjanar eżistenti għaż-żona, li permezz tiegħu l-Klabb se jkun qed itejjeb il-ħajja taż-żona bl-investiment tiegħu.

Waqt il-laqgħa tat-Tnejn, fejn saret it-tħabbira uffiċjali, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-Gvern qed jonora l-impenn tiegħu lejn Valletta FC. Huwa żied jgħid li din il-ħolma tant mistennija issa qed issir realtà bit-tħabbira tal-proġett, li għandha tiġi segwita mill-implimentazzjoni tiegħu, li trid timxi ‘l quddiem b’pass mgħaġġel.

Il-President ta’ Valletta FC, Claudio Grech, stqarr li, “wara għexieren ta’ snin ta’ inċertezza, Valletta FC finalment għandha ċarezza dwar il-futur tagħha. Se niżviluppaw l-ewwel kampus tal-futbol fil-gżira li jipprovdi faċilità integrata li permezz tagħha nimmiraw li nikkontribwixxu għat-titjib tal-pajsaġġ tal-futbol f’Malta. Din hija l-pedament tal-istrateġija li bdejna inqas minn sentejn ilu, fejn flimkien mal-proġett Gen-V tagħna se nittrasformaw lil Valletta FC f’qawwa reġjonali tal-futbol.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport