Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2026, mar-rappreżentanti tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif permezz ta’ djalogu miftuħ u Gvern li jisma’, l-infermiera u l-qwiebel qed igawdu minn ftehim kollettiv li qed jagħtihom l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol.
Huwa saħaq li l-Gvern se jkompli jinvesti fir-riżorsa umana, biex dan is-settur vitali jkompli jissaħħaħ u joffri servizz ta’ kwalità lill-pazjenti.
Dr Abela enfasizza li s-settur tas-saħħa huwa u se jibqa’ wieħed mill-aktar pilastri essenzjali tal-politika ta’ dan il-Gvern, mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa fiżika, iżda wkoll ma’ dik mentali. Fuq is-saħħa mentali, il-Prim Ministru rrimarka li l-Gvern jinsab impenjat li jkompli jsaħħaħ il-faċilitajiet u s-servizzi, inkluż dawk speċjalizzati, flimkien ma’ aktar investiment biex ikomplu jitjiebu l-ħiliet ta’ dawk li jaħdmu f’dan il-qasam.
Hu fakkar li f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern kompla jinvesti b’mod sostanzjali fis-sistema tas-saħħa, kemm fl-infrastruttura u t-teknoloġija, kif ukoll fl-investiment fil-ħaddiema tas-saħħa. Semma t-titjib fil-kura primarja, fejn anke rrefera għaċ-Ċentru tal-Kura tas-Saħħa Primarja Ċensu Moran, li issa beda jopera u joffri servizzi estensivi lill-pazjenti, fosthom podjatrija, fiżjoterapija u klinika tal-mediċina respiratorja.
Il-Prim Ministru żied jgħid li l-kura primarja hi essenzjali biex titnaqqas il-pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei u biex il-kura medika ssir aktar aċċessibbli fil-qalba tal-komunitajiet. Huwa semma wkoll is-servizz telefoniku ġdid għal każijiet ta’ saħħa mhux ta’ emerġenza, li qed juri riżultati pożittivi. “Dawn huma biss ftit mill-inizjattivi li l-Gvern ħadem fuqhom matul dawn l-aħħar xhur,” sostna Dr Abela.
Preżenti għal din il-laqgħa konsultattiva kien hemm il-Ministru Jo Etienne Abela, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul, Malcolm Paul Agius Galea u Rebecca Buttigieg, id-Deputati Chris Fearne, Michael Farrugia u Romilda Zarb u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru l-Kurunell Mark Mallia.