Tuesday, May 6, 2025

Il-Gvern se jkun qed jagħmel it-tiswijiet li jeħtieġu l-attenzjoni immedjata biex il-bastiment isalpa lejn id-destinazzjoni li jmiss

Aqra wkoll

L-awtoritajiet Maltin żammew mal-impenn li ta l-Prim Ministru Robert Abela fejn intbagħat surveyor marittimu abbord il-bastiment ‘Conscience’ u li finalment ġie aċċettat li jitla’ abbord mill-kaptan tal-bastiment inkwistjoni biex jagħmel spezzjoni barra l-ibħra territorjali ta’ pajjiżna.

Mill-istħarriġ li wettaq is-surveyor marittimu nstab li l-bastiment għandu ħsarat li jeħtieġu tiswijiet minuri sabiex il-bastiment isalpa għad-destinazzjoni li jmiss. Is-surveyor marittimu rrapporta li numru ta’ kompartamenti, fosthom il-qoxra (frame) tal-vapur u l-kamra tal-magni nstabu f’kundizzjoni tajba jew sodisfaċenti u ħielsa minn dħul ta’ ilma.

Qal ukoll li l-maġġorparti tal-apparat importanti fuq il-bastiment bħaż-żewġ magni ewlenin, iż-żewġ ġeneraturi, it-tagħmir li jimbotta l-pruwa u l-apparat għat-tifi tan-nar huma operabbli.

Waqt l-ispezzjoni tiegħu s-surveyor marittimu sab biss proviżjon ta’ ikel u xorb għall-membri tal-ekwipaġġ għal madwar 30 jum. Il-kaptan indika li parti limitata minn dak l-ikel u xorb kien għal skop umanitarju. Instabet ukoll ħażna ta’ fjuwil ta’ madwar 32 tunnellata.

Il-Gvern se jkun qed jagħmel it-tiswijiet li jeħtieġu l-attenzjoni immedjata biex il-bastiment isalpa lejn id-destinazzjoni li jmiss. Dawn it-tiswijiet se jsiru fil-post fejn il-bastiment qiegħed ankrat, kif anki kkonferma li huwa possibbli li jsiru s-surveyor marittimu, jiġifieri barra l-ibħra territorjali ta’ Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport