Friday, November 15, 2024

Il-gvern Spanjol b’kampanja biex in-nisa kollha jħossuhom kunfidenti biex igawdu s-sajf

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-ministeru tal-ugwaljanza fi Spanja nieda kampanja biex iħeġġeġ lin-nisa inkwetati dwar kif jidhru biex jgawdu l-bajjiet xorta waħda.

“Is-sajf tagħna wkoll,” huwa l-islogan li qiegħed jinxtered flimkien ma’ xbieha ta’ ħames nisa ta’ forom, daqsijiet u karnaġġjon differenti.

Il-Ministru tas-Servizzi Soċjali Ione Belarra tenniet li kull mara, hi kif inhi l-figura tagħha, għandha tħossha kunfidenti biex tgawdi s-sajf u żżur il-bajjiet.

Il-Kap tal-Istitut tan-Nisa Antonia Morillas qalet li l-aspettattivi fiżiċi affettwaw ħafna nisa mhux biss mill-istima tagħhom infushom, iżda spiċċaw biex saħansitra ċaħħduhom mid-drittijiet tagħhom.

L-illustrazzjoni tinkludi wkoll mara topless li skont id-deskrizzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tirrapreżenta lil dawk in-nisa li jkunu għaddew minn trattamenti minħabba l-kanċer f’sidirhom. Dan għaliex ħafna drabi dawn in-nisa jispiċċaw jitilfu sider minnhom f’tentattiv li jiġi eliminat l-kanċer.

Ir-reklam imxandar ta’ din l-inizjattiva jgħid li “Illum niċċelebraw sajf għal kulħadd, mingħajr sterjotipi u vjolenza estetika kontra ġisimna”.

Minkejja dan kollu, mhux kulħadd ħareġ sodisfatt b’din l-inizjattiva. Xi wħud staqsew jekk għandux jitwessa’ biex jinkludi rġiel mingħajr l-hekk imsejjaħ ġisem ideali, filwaqt li l-mexxej tax-xellug Cayo Lara qal li l-inizjattiva ma tagħmilx sens u li tista’ saħansitra toħloq problema fejn ma teżistix.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza Junior Ángela Rodríguez Pam f’messaġġ fuq Twitter indirizzat lill-irġiel li qalu li n-nisa ma kellhomx bżonn il-permess tal-ministeru biex imorru l-bajja qalet li dawk li jmorru qed jispiċċaw kritikati u murija ċertu mibegħda għas-sempliċi raġuni għax mhumiex kif tridhom jidhru l-midja. 

Ekonomija

Sport