Friday, December 13, 2024

Il-Gvern tal-Afrika t’Isfel jgħid li l-mewġa tal-Omicron bdiet tbatti

Aqra wkoll

L-Afrika t’Isfel neħħiet ir-regolamenti ta’ curfew għal matul il-lejl u dan hekk kif l-uffiċjali tal-pajjiż qalu li l-agħar perjodu tar-raba’ mewġa ta’ Covid-19 issa għaddiet.  Fi stqarrija maħruġa, uffiċjali tal-gvern qalu li l-varjant Omicron – li jinfirex iktar malajr minn varjanti oħrajn – huwa inqas qawwi u inqas nies daħlu l-isptar minħabba fih. Minkejja dan, l-istqarrija tkompli tgħid li kien hemm żieda żgħira fin-numru ta’ mwiet. 

Il-varjant – li kien ġie rrapportat l-ewwel darba f’Afrika t’Isfel ix-xahar li għadda – infirex malajr ħafna tista’ tgħid mad-dinja kollha u dan wassal biex għadd ta’ pajjiżi daħħlu miżuri restrittivi. Min-naħa tagħha l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet dwar “tsunami” ta’ infezzjonijiet minħabba l-varjanti Delta u Omicron li dawn jistgħu jwasslu biex is-sistemi tas-saħħa ma jlaħħqux.  Minkejja t-twissija, l-Afrika t’Isfel rrapportat li l-persuni li kellhom jiddaħħlu l-isptar naqas fil-provinċji kollha tal-pajjiż. 

Hekk kif għadd ta’ regolamenti issa se jkunu qed jitneħħew, il-gvern tal-Afrika t’Isfel ħaġġeġ biex kulħadd jitlaqqam u jilbes il-maskri. Minn kemm ilha li bdiet il-pandemija, l-Afrika t’Isfel kellha 3.5 miljun każ ta’ Covid-19 li minnhom 90,000 wasslu għal mewt. Dan il-pajjiż huwa l-iktar wieħed li ntlaqat b’mod qawwi fil-kontinent Afrikan.

Ekonomija

Sport