Wednesday, November 12, 2025

Il-Gvern u l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji b’inizjattiva flimkien favur in-negozji Maltin waqt Black Friday

Aqra wkoll

Is-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali flimkien mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji nedew inizjattiva li tappoġġja lin-negozji Maltin waqt Black Friday.

L-għan tal-inizjattiva hu li jiġi promoss ir-roħs offrut min-negozji Maltin matul iż-żmien tal-Black Friday. Permezz tal-pjattaforma www.blackfridaymalta.eu, il-konsumaturi jistgħu jsibu offerti u roħs minn diversi ħwienet u servizzi lokali f’post wieħed. Din l-inizjattiva tagħmilha aktar faċli biex wieħed jixtri mingħand negozji Maltin, filwaqt li tagħti spinta diretta lin-negozji sabiex iżidu l-viżibilità tagħhom u jattiraw iktar klijenti matul dan il-perjodu importanti qabel l-istaġun tal-festi.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, sostna li l-Gvern għandu mira ċara, li jkompli jagħti appoġġ konkret lin-negozji żgħar u medji, sabiex ikunu jistgħu jikbru u jibqgħu kompetittivi fis-suq lokali.

“L-okkażjoni tal-Black Friday hija waħda li daħlet fil-kalendarju mhux biss tal-Maltin u l-Għawdxin, iżda wkoll madwar il-kumplament tad-dinja, u dan allura jippreżenta opportunità lin-negozji Maltin. B’din il-pjattaforma qed nagħmluha aktar faċli għall-konsumatur biex isib offerti tajbin minn negozji lokali. Qed inħeġġu lill-familji jagħżlu prodotti u servizzi minn negozji Maltin,” qal Dr Ellul.

Dan l-appoġġ lill-intrapriżi qed jissaħħaħ ukoll permezz tal-miżuri mħabbra fil-Budget 2026, li fosthom ikomplu jiggarantixxu stabbiltà fil-kontijiet tal-enerġija għan-negozji, flimkien ma’ skemi ta’ finanzjament għal min jixtieq jespandi jew jinvesti f’teknoloġiji aktar effiċjenti.

Barra minn hekk, il-Gvern qed ikompli jinvesti fit-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħaddiema sabiex in-negozji jkollhom forza tax-xogħol imħarrġa u kompetittiva. Dawn il-miżuri jikkonfermaw l-impenn tal-Gvern li jsaħħaħ in-negozju lokali u joħloq ambjent ekonomiku stabbli u sostenibbli.

Min-naħa tiegħu, Marcel Mizzi, li tkellem f’isem il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, spjega li l-pjattaforma toffri għodda sempliċi u effettiva kemm għal min jixtri kif ukoll għal min ibigħ.

“Il-Black Friday hija ġurnata importanti għan-negozji Maltin. L-għan tagħna hu li ninkoraġġixxu n-negozji joffru roħs tajjeb u li n-nies jagħżlu li jixtru mingħand negozji lokali. Din il-pjattaforma tagħmilha ferm iktar faċli sabiex il-konsumatur isib l-offerti kollha u d-dettalji tan-negozju f’post wieħed.”

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport