Il-Gvern Venezwelan beda jirrilaxxa detenuti meqjusa bħala “priġunieri poltiċi” minn gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, f’dak li uffiċjali ddeskrivew bħala ġest ta’ rieda tajba.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ Spanja qal li l-ħamsa miċ-ċittadini tiegħu kienu ġew meħlusa. Fosthom hemm l-attivist prominenti Rocío San Miguel.
Dan l-iżvilupp seħħ wara li l-Istati Uniti ħatfu lill-President tal-Venezwela Nicolás Maduro f’rejd fil-kapitali Caracas, is-Sibt li għadda, biex jaffaċċja akkużi dwar traffikar ta’ droga fi New York.
Ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi fil-Venezwela kien ilu għal żmien twil mitlub mill-Istati Uniti, speċjalment f’mumenti ta’ ripressjoni intensifikata minn elezzjonijiet u protesti.
Jorge Rodríguez, il-Kap tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela u ħu l-president interim Delcy Rodríguez, ħabbar fuq it-televiżjoni statali li “numru sinifikanti” ta’ detenuti kienu se jinħelsu immedjatament, mingħajr ma speċifika n-numru jew l-identità tal-priġunieri li qed jinħelsu.
Mijiet ta’ priġunieri politiċi jinsabu detenuti fil-ħabsijiet Venezwelani, u huwa maħsub li s’issa nħelsu biss ftit minnhom.
Jorge Rodríguez qal li l-Gvern interim qed jeħlishom fl-interess tal-“għaqda nazzjonali u l-koeżistenza paċifika”.



