Friday, December 20, 2024

Il-gwerra fid-Donbas laħqet “livell tal-biża’”

Aqra wkoll

Konsulent ewlieni tal-Pre­sident Ukren qal li issa l-battalji fil-belt ta’ Severodonetsk u Lysychansk laqħu “livelli tal-biża’”. Oleksiy Arestovych qal li l-forzi Russi qegħdin jagħmlu dak kollu possibbli biex jiċċirkondaw lil dawn iż-żewġt ibliet u jaqtgħuhom kompletament mill-bqija tat-ter­ritorju Ukren. Huwa tenna li l-possibbiltà ta’ rebħa Russa qiegħda hemm, iżda s’issa għad ma rnexxilhomx jagħmluha. 

Dan il-kumment segwa lil dak li qal il-President Ukren Volodymyr Zelensky fejn dan kien akkuża lil Moska li qiegħda tipprova “teqred” lir-reġjun tad-Donbas. F’filmat li xandar Zelensky qal li, “hemm attakki kbar mill-ajru u minn artillerija ġewwa d-Donbas. Il-miri tal-okkupanti ma nbidlux, huma jridu li pass pass ikissru lid-Donbas.” Min-naħa tiegħu Zele­nsky ħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Punent biex iħaffu l-proċess ħalli jitwasslu l-armi mwiegħda. Zelensky saħaq li dawn l-armamenti huma bżonjużi biex ikun hemm bilanċ f’din il-battalja u biex “l-armata dijabolika Russa” tiġi mbuttata ’l barra mill-fruntieri Ukreni. 

Għal dawn l-aħħar ġim­għat, ir-Russja ddedikat l-attenzjoni kollha tagħha fuq il-bliet ta’ Severodonetsk u Lysychansk, li huma l-aħħar postijiet ikkontrollati mill-Ukreni f’Luhanks. Jidher li fl-aħħar jiem ir-Russja għamlet avvanzi sostanzjali fl-għan tagħha li tiċċirkonda lit-truppi Ukreni f’din iż-żona. 

Intant l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea jidher li huma lesti li jagħtu l-barka tagħhom biex l-Ukrajna tibda l-proċess ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea. Din hija rebħa ġeopolitika sinjifikanti ħafna hekk kif sa sena ilu biss ħadd ma kien jaħseb li l-Ukrajna għad xi darba tapplika biex issir membru tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa tiegħu l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal li dan huwa mument deċiżiv ħafna għall-Unjoni Ewropea. Il-mexxejja tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kienu qed jieħdu din id-deċiżjoni wara li l-Kum­missjoni Ewropea tat rakkomandazzjoni pożittiva dwar l-Ukrajna, filwaqt li din tal-aħħar ingħatat lista ta’ serje ta’ riformi u miżuri li l-pajjiż jeħtieġ li jadotta sal-aħħar ta’ din is-sena fosthom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus u libertà fil-midja. 

F’dan l-istess summit il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea mistennija li jaċċettaw ukoll it-talba tal-Moldova filwaqt li l-Georgia se titħalla tistenna ftit sakemm twettaq għadd ta’ riformi importanti. 

Ekonomija

Sport