“Jekk jitilgħu, jitilgħu”. Hekk iddikjara bħalikieku xejn mhu xejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump dwar iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-fjuwil li d-dinja qiegħda terġa’ tesperjenza. Dan b’riżultat tal-Gwerra fl-Iran li bdiet proprju minn attakki konġunti mill-Istati Uniti mmexxija mill-istess Trump u Iżrael.
Kliem Trump (if they rise, they rise) huwa kliem li jimminizza għal kollox is-serjetà tas-sitwazzjoni li d-dinja tinsab fiha bħalissa. Barra l-fatt li din hija t-tliet gwerra serja li għandna għaddejja bħalissa, il-kriżi kkawżata biż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt, tirrifletti realtà ekonomika ħafna aktar kumplessa. Realtà li rridu niffaċċjaw u naraw kif se nsalvaw minnha fejn. Kull kunflitt fil-Lvant Nofsani għandu l-potenzjal li jevolvi fi kriżi globali tal-enerġija u llum, fil-fatt, is-swieq internazzjonali qegħdin jesperjenzaw proprju dan.
L-enerġija… wieħed mill-aktar swieq sensittivi
F’qasir żmien, tensjonijiet militari fir-reġjun tal-Lvant Nofsani ddistabilizzaw wieħed mill-aktar swieq sensittivi u importanti fid-dinja – dak tal-enerġija. Il-prezz tal-Brent crude oil qabeż il-limitu ta’ $100 kull barmil u f’ċerti mumenti laħaq saħansitra prezz ta’ aktar minn $119.
Din iż-żieda qawwija hija aktar minn 24% żieda f’perjodu qasir ta’ ftit ġimgħat, żvilupp li reġa’ qajjem biża’ li l-ekonomija globali tista’ tidħol f’fażi ġdida ta’ inflazzjoni u pressjoni fuq il-konsumaturi.
Hawn naraw kif il-gwerer moderni mhumiex limitati għall-kamp tal-battalja iżda aktar qawwija u distabilizzanti huma l-attakki ekonomiċi li l-effetti negattivi tagħhom jirriflettu malajr fil-kontijiet tal-familji u fl-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.
Il-punt strateġiku li jżomm lid-dinja f’tensjoni
Fil-qalba tal-kriżi hemm arterja marittima waħda li hija vitali għall-ekonomija globali – l-Istrett ta’ Ħormuż. Dan il-passaġġ bejn l-Iran u l-Oman huwa wieħed mill-aktar rotot strateġiċi fid-dinja fejn madwar 20% tal-provvista globali taż-żejt tgħaddi minnu.
Meta t-tensjonijiet militari qajmu l-possibbiltà li l-moviment tat-tankers jista’ jitfixkel, ir-reazzjoni tas-swieq internazzjonali kienet immedjata. Investituri u kumpaniji tal-enerġija bdew jantiċipaw riskju ta’ nuqqas ta’ provvista u dan waħdu kien biżżejjed biex iqajjem żieda f’qasir żmien fil-prezzijiet. Fil-prattika, ħafna drabi l-biża’ ta’ kriżi tal-enerġija tkun biżżejjed biex toħloqha.
Meta jogħla ż-żejt, jogħla kollox
Iż-żejt jibqa’ wieħed mill-pilastri tal-ekonomija moderna. Minn fabbriki sa ajruplani, minn vapuri tal-kummerċ sat-trasport urban, il-maġġoranza tal-attività ekonomika globali hija dipendenti fuq din ir-riżorsa.
Meta l-prezz taż-żejt jogħla, l-effett domino huwa kważi inevitabbli. Hawn jiżdied il-prezz tal-petrol u tad-diżil, jiżdiedu l-ispejjeż tat-trasport, jiżdiedu l-ispejjeż tal-produzzjoni industrijali u sussegwentement jiżdiedu l-prezzijiet għall-konsumaturi.
Ekonomisti jistmaw li kull żieda ta’ 10% fil-prezz taż-żejt tista’ żżid l-inflazzjoni fiż-żona tal-ewro b’madwar 0.3%. Dan ifisser li kriżi energetika tista’ malajr tinbidel fi kriżi tal-għoli tal-ħajja, kriżi li mill-pandemija tal-Covid-19, il-Gwerra fl-Ukrajna u issa bil-Gwerra fl-Iran, ma waqfet qatt.
Fil-fatt, l-ewwel sinjali negattivi diġà qegħdin jinħassu b’linji tal-ajru jżidu l-prezzijiet tal-biljetti, kumpaniji tat-trasport jiffaċċjaw spejjeż ogħla u industriji tal-enerġija jaraw il-marġini tagħhom jonqsu.

