Sunday, November 24, 2024

IL-GWERRA FL-UKRAJNA… BŻONN TA’ APPOĠĠ GĦAT-TFAL MALTIN

Aqra wkoll

Il-gwerra fl-Ukrajna issa riesqa lejn it-tieni ġimgħa tagħha. Gwerra li fiha qed naraw kriżi umanitarja. Kriżi ta’ nies li qed jaħarbu minn pajjiżhom. Iħallu kollox warajhom. Xi wħud ma rnexxielhomx jaslu għax spiċċaw vittmi tal-istess kunflitt. 

F’pajjiżna hawn min qed jgħid li “ma rridx nisma aktar aħbarijet koroh. Diġa għamilna sentejn ta’ tensjoni u qalbna mtertqa bil-Covid19, nisma’ bil-gwerra jonqos”. “Ma rridx nisma bi gwerra. Ir-raġel qed jgħidli li din se taffettwana lilna. Jien  ma rridx nisma’. Mentalment il-Covid affettwatni ħafna, ma niflaħax nisma’ aktar”. 

Ma’ din is-sitwazzjoni hemm imbagħad is-sitwazzjoni tat-tfal tagħna ukoll. Tfal li anke bil-Covid ġew affettwati ħażin mentalment. Hawn ġenituri f’pajjiżna li ma jridux jitkellmu dwar dan il-kunflitt quddiem uliedhom. Dan minħabba l-biża li jkompli jaffettwahom mentalment. 

Anki fl-iskejjel tagħna, donnu dan il-kunflitt ftit li xejn qed jissemma. Donnu li dak li qed isir hu ‘l bogħod minn xtutna. Hawn min qed jirraġuna li din mhux problema tagħna. 

Lil hinn minn dan imma fl-iskejjel tagħna għandna tfal li qed jiġu affettwati b’mod negattiv ħafna minn dan il-kunflitt.  L-aħbarijiet li qed jaslu u qed jaraw uliedna ta’ kuljum għandhom effett fuqhom. Fuq oħrajn l-effett hu akbar. 

Kull tifla u tifla jistgħu jiġu affettwati b’mod differenti minn dan il-kunflitt. Kif ngħidu t-tfal huma bħal sponża, jassorbu kollox. Kapaċi jinnutaw dak li jkun qed jiġri madwarhom. Anke meta taħseb li mhux qed jagħtu kasek, ikunu qed jisimgħu il-konversazzjonijiet, jaraw filmati u materjal fuq il-midja soċjali. 

Nemmnu li hemm bżonn li fl-iskejjel tagħna it-tfal jiġu offruti appoġġ għal din ir-realtà li qed tolqothom. 

Nemmnu li anki l-ġenituri għandhom jiġu edukati aktar dwar dan il-kunflitt. Għandhom ikunu mgħarrfin kif għandhom jitkellmu dwar dan il-kunflitt ma’ wliedhom.

Mhux soluzzjoni li taħbilhom dak li qed jiġri. Lill-ulied trid tinformahom x’qed jiġri. Fuq kollox irridu naraw  ukoll li jkun hemm appoġġ għall-ansjetà żejda li jista’ jkun li qegħdin ibatu minnha xi studenti fl-iskejjel tagħna konsegwenza ta’ dak li qegħdin jaraw u jisimgħu. 

Nemmnu li l-ġenituri għandhom iżommu f’moħħhom u jkunu sensittivi għal fatt li wliedhom kienu affettwati minn sentejn ta’ pandemija, li matulhom li kellhom perjodu li litteralment kienu maqfula f’darhom u bla skola. 

Avvenimenti bħall-gwerra fl-Ukrajna qed taffettwa għadd ta’ studenti mentalment. Taffettwalhom l-imġiba tagħhom. Taffettwa il-livell ta’ attenzjoni u l-burdati tagħhom.  Nemmnu li hu tajjeb li l-familja fi djarhom jitkellmu ma’ wliedhom u jedukawhom dwar dak li għaddej. Nemmnu li hu importanti li ma jiġux ippuntati swaba’, lejn naħa jew lejn oħra. 

Nemmnu li hu tajjeb li l-iskejjel tagħna jibdew jedukaw u jinfurmaw lill-ġenituri fuq kif għandhom jitkellmu dwar dan il-kunflitt. Anki l-kliem użat jaf jagħmel differenza. Dan għandu jsir minn persuni professjonisti, biex jipprovdi linji ġwida fuq l-aspett uman u morali.

Dan hu kunflitt li minnu wliedna għandhom jitgħallmu ħafna. Hi tal-biki tara studenti adulti jiddieħku b’tifrik li qed jaraw fuq il-filmati mxandrin. Dan jurik f’liema stat jinsabu fih xi studenti tagħna. Wieħed irid jiftakar li wara kull immaġini ta’ tkissir aktarx hemm vittmi. Il-qerda ta’ tagħmir militari tfisser qerda ta’ ħajjiet, telf ta’ suldati, li huma wkoll umani.

Li tara studenti jiddieħku jew ifittxu filmati simili, ma tistax ma tistaqsix fejn hi l-empatija? Ma tistax ma tistaqsix dwar jekk fl-iskejjel tagħna hux nagħmlu biżżejjed biex nedukaw lill-istudenti tagħna dwar il-kruha tal-gwerra.

Sport