Kważi erba’ xhur ilu meta bdiet il-gwerra fl-Ukrajna, ħafna kienu tal-fehma li dan hu kunflitt li ma kellux idum. Kien hemm ħafna li bdew jaħsbu li l-Ukrajna kienet se tispiċċa ċċedi. Dan kien xprunat mill-fatt li dakinhar u anke fil-jiem u l-ġimgħat ta’ wara kien qed jidher li l-Unjoni Ewropea kienet qed timxi b’mod kawt ħafna. Kien qed jidher li l-Unjoni Ewropea kienet qed iżżomm lura ferm aktar mill-Istati Uniti fejn tidħol ir-Russja.
Kollox qed jindika li aktar m’għadda żmien, aktar l-Unjoni Ewropea iċċaqilqet mill-pożizzjoni tagħha. Dan deher ċar proprju fl-aħħar sigħat, meta l-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz u l-Prim Ministru Taljan, Mario Draghi marru flimkien fi Kjiev u iltaqgħu mal-President Ukren Volodymyr Zelensky.
Kienet żjara li saret fi żmien fejn jidher li m’hemmx tmiem fil-qrib għal din il-gwerra, li qed tħalli mijiet ta’ ħajjiet u ħafna oħrajn feruti. Quddiem żjara bħal din minn dawn il-mexxejja Ewropej, fosthom ta’ Franza u tal-Ġermanja, wieħed stenna messaġġ favur waqfien mill-ġlied. Dan biex iż-żewġ naħat jitkellmu. Waqfien mil-ġlied li jfisser nifs għall-Ukreni li għadhom fill-pajjiż. M’hemm ebda dubju li soluzzjonjiet jeżistu biex il-kunflitt jintemm.
Li ġara nhar il-Ħamis imma kien jistona bil-kbir. Kien kuntrastanti mal-kawtela li intweriet fil-bidu. L-Ukrajna ġiet imwiegħda li se tingħata aktar armamenti u dan flimkien mal-prospett ta’ dħul fl-Unjoni Ewropea. Nemmnu li l-wegħda li l-Ukrajna tingħata aktar armi, mhix se ssolvi l-kunfitt imma se tħarrxu. Se twassal biex dan ikompli jitwal.
Nemmnu li l-pajjiżi Ewropej għandhom juru solidarjetà u jgħinu lill-Ukrajna minn dak li għaddejja minnu. Li stona f’din iż-żjara hi d-dikjarazzoni li għamel il-Kanċillier Scholtz fejn dan iddikjara b’mod ċar liż-żjara fl-Ukrajna ma kinitx biss biex turi solidarjetà imma biex tipprovdi għajnuna finanzjarja u assistenza militari. Iddikjara li dan se jkun qed isir sakemm hemm bżonn biex l-Ukrajna tkompli l-ġlieda għall-Indipendenza. Iddikjara b’mod ċar li l-Ukrajna qed tingħata l-armamenti u se jkunu qed jaraw li se jkomplu jingħataw l-armamenti.
Din id-dikjarazzjoni saret ftit sigħat qabel, iltaqgħu il-ministri tad-difiża f’dak li hu msejjaħ bħala Ukraine Defence Contact Group. Dan fih jinkludi 30 pajjiż tan-NATO flimkien mal-Iżvezja, il-Finlandja, Georgia, Moldova u l-Awstralja. F’dik il-laqgħa ukol ġie deċiż li jiżdiedu l-ammont ta’ armamenti li qed jingħataw lill-Ukrajna.
Dan qed isir għax dawn il-pajjiżi flimkien mal-Istati Uniti qed jemmnu li jekk iżidu l-għajnuna fl-armi din għandha twassal biex l-Ukrajna timbotta lura lis-suldati Russi lejn il-fruntiera Russa.
Jiddispjaċina ngħidu li dak li qed isiru qed juru bidla kbira fejn tidħol l-Unjoni Ewropea. Oriġinarjament l-Unjoni Ewropea twaqqfet bħala unjoni ekonomika. Twaqqfet wara gwerra dinjija bil-ħsieb kien li dak li kien seħħ fl-Ewropa ma jerġax iseħħ. Issa qegħdin naraw Unjoni Ewropea, li bil-mod il-mod qed tidħol f’alleanza militari kontra ir-Russja.
U quddiem din iż-żjara fi Kjiv ma nistgħux ma nirrimarkawx kif ma rajniex żjarat simili meta Gaża kienet assedjata. Ma rajniex żjarat simili fil-Jemen fejn hemm bliet li inqerdu bil-gwerra. Ma rajniex żjarat f’Belgrad meta kienet attakkata. Ma rajna l-Ħadd iżur Tripli meta din kienet attakkata fis-sena 2011.
Hi inkwetanti li nisimgħu vuċijiet fl-Unjoni Ewropea jisħqu fuq nefqa akbar għad-difiża. Kif hu inkwetanti li anke l-pajjiżi Ewropej iżidu n-nefqa fuq l-armamenti kif qed tagħmel il-Ġermanja.
Nemmnu li d-direzzjoni hi ħażina. Id-dinja għandha bżonn il-paċi mhux gwerrer u kunfitti. Fuq kollox mill-gwerrer ma joħorġux rebbieħa imma telliefa biss. Mill-gwerrer, huma l-klassi tal-ħaddiema l-aktar li jbatu, waqt li min jissupplixxi u jimmanifattura l-armi jkompli jżid il-profitti.