Monday, November 11, 2024

Il-gwerra fl-Ukrajna lejn livell ġdid

Aqra wkoll

Ninsabu ftit jiem biss bogħod biex il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna jagħlaq sena. Invażjoni li sa issa wasslet biex ir-Russja tikkontrolla madwar 10 fil-mija tat-territorju fl-Ukrajna u eluf ta’ nies mejta, apparti pajjiż imfarrak.

Hawnhekk irridu nisħqu li kien żball min-naħa tal-Ukrajna li riedu jdaħħlu lil pajjiżhom fin-NATO u b’hekk in-NATO tkun mal-fruntieri Russi. Tajjeb infakkru li meta l-Unjoni Sovjetika kienet installat il-missili f’Kuba kienet se twassal għat-Tielet Gwerra Dinjija ghax il-President Amerika ta’ dak iż-żmien, John F Kennedy kien determinat li dawn irridu jitneħħew. Fortunatament is-sens komun rebaħ u sar ftehim. Madankollu r-Russja, pajjiż kbir enormi taħt dittatorjat, qatt ma kellha tagħżel li tinvadi l-Ukrajna.

Qegħdin fi żmien li fih qegħdin naraw li din il-gwerra marret għal livell ġdid. Il-livell ġdid fil-kunflitt qed iseħħ bid-deċiżjoni tal-Ġermanja u ta’ stati oħra tan-NATO li jagħtu tankijiet tal-gwerra u armamenti oħra lill-Ukrajna. Din hi deċiżjoni li ħadet l-involviment tal-Punent f’din il-gwerra għal livell ġdid, deċiżjoni intiża biex tgħin lill-forzi militari Ukreni jżommu territorji mirbuħa fl-aħħar xhur u biex jagħmlu offensivi ġodda u jirbhu dak li tilfu sena ilu.

Kif mistenni din id-deċiżjoni kienet kritikata. Kritika li saret għax b’deċiżjoni simili mhux qegħdin naraw sitwazzjoni fejn il-kunflitt jista’ jikkalma u tirrenja l-paċi, anzi bil-kuntrarju l-kunflitt jikber bl-involviment tal-Punent. Hemm min qiegħed ukoll isemmi li għandhom jintbagħtu suldati tan-NATO, xi ħaġa li jekk issir tkompli tiggrava s-sitwazzjoni.

Hu fatt li minn mindu bdiet din l-invażjoni sa llum, il-forzi militari Russi spiċċaw staġnati. Minn naħa l-oħra l-forzi militari Ukreni għamlu diversi offensivi li kellhom suċċess biex ħadu lura territorju li kien ittieħed bl-invażjoni. Minkejja dan iżda għad hemm ammont kbir ta’ territorju fil-lvant u fin-nofsinhar li għadu f’idejn ir-Russi.
Fi klima inċerta għall-aħħar u f’sitwazzjonijiet fejn mhumiex daqstant ċari, hu diffiċli tipprevedi mistoqsija li ħafna qed jistaqsu. Din hi dik ta’ jekk din l-għajnuna militari li qed tingħata mill-Punent hix se twassal biex ittemm il-gwerra jew inkella hix se twassal biex jiħrax il-kunflitt.

M’hemm ebda dubju li l-unika soluzzjoni għal gwerra hi l-paċi u l-ebda għajnuna f’armamenti u suldati ma ġġib il-paċi. Għalkemm mhux ċar u wieħed jista’ jifhem li t-tankijiet se jkunu ta’ għajnuna kbira biex suldati Ukreni jattakkaw żoni f’idejn suldati Russi u jwettqu offensivi ġodda. Wieħed jista’ jifhem li aktar ma’ kunflitt jitwal aktar se jkollok vittmi. Aktar se jkollok qerda.

Minn l-aħbarijiet li joħorġu kemm fuq naħa u kemm fuq oħra wieħed faċli jikkonkludi li f’din il-gwerra bħal ma jiġri dejjem, hemm biss telliefa. Qed jirbaħ biss settur wieħed – il-kumpaniji li jimmanifatturaw l-armamenti.

Quddiem dan, jispikka l-fatt li hu dgħajjef ħafna l-isforz biex tirrenja l-paċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Sforz dgħajjef li jurik li m’hemmx rieda ġenwina biex il-kunflitt jintemm.

Sforz dgħajjef anke fin-Nazzjonijiet Uniti, fejn minkejja diskussjonijiet li saru, ma sar ebda żblokk. U lil hinn minn dan issa qed nerġgħu nisimgħu fuq sanzjonijiet ġodda. U se nerġgħu nisimgħu mill-politiċi Ewropej u mill-burokratiċi tal-Unjoni Ewropea li s-sanzjonijiet qed jaħdmu. Li s-sanzjonijiet qed idgħajfu l-ekonomija Russa. U waqt li nisimgħu dan, jinħarġu aħbarijiet ta’ attakki ġodda u ħruxijiet f’din l-istess gwerra.

Sport