Il-President Russu Vladimir Putin iddikjara li ma jiċħadx l-idea ta’ taħditiet ta’ paċi dwar l-Ukrajna.
Meta kien qed jitkellem fi tmiem laqgħa mal-mexxejja Afrikani f’St Petersburg, huwa qal li inizjattiva Afrikana u Ċiniża tista’ sservi bħala bażi biex tinstab il-paċi.
Iżda l-President Putin sostna li kien diffiċli li jseħħ il-waqfien mill-ġlied u dan hekk kif l-armata Ukrena tinsab fuq l-offensiva.
L-Ukrajna u r-Russja kienu qalu li mhux se jpoġġu madwar il-mejda tan-negozjati mingħajr ċerti kundizzjonijiet minn qabel.
L-Ukrajna trid li l-fruntieri tagħha bħalma kienu fl-1991, xi ħaġa li l-Kremlin qiegħda topponi ħafna għaliha.
Min-naħa l-oħra, ir-Russja qiegħda targumenta li biex in-negozjati jsiru, Kiev ikollu jaċċetta r-“realtà territorjali ġdida” ta’ pajjiżha.
F’konferenza stampa tard is-Sibt, Putin qal li għalissa ma kien hemm l-ebda pjan biex tiġi intensifikata l-azzjoni fl-Ukrajna.
Huwa ddefenda wkoll l-arrest tal-Kremlin ta’ vuċijiet kritiċi, u sostna li “xi nies kienu qed jagħmlu ħsara lir-Russja minn ġewwa.”
Fil-briefing lill-ġurnalisti, il-President Russu qal li Moska wettqet xi “attakki preventivi” wara splużjoni fuq pont tal-Krimea aktar kmieni dan ix-xahar.
Wara l-inċident tal-pont – li ħalla żewġ persuni mejta – is-Sur Putin wiegħed li se jirrispondi għal dak li sostna li kien att “terroristiku” mill-Ukrajna. Kyiv ma qalitx b’mod uffiċjali li kienet responsabbli għall-isplużjoni fuq il-pont, li tgħaqqad il-peniżola okkupata mar-Russja.