Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg qal li jeħtieġ li l-Punent jkun lest li jibqa’ jappoġġja lill-Ukrajna fi gwerra li tista’ ddum għaddejja snin. Stoltenberg tenna li l-perezz ta’ din il-gwerra se jkun wieħed kbir, iżda skontu l-prezz li jrid jitħallas li kienu Moska jirnexxilha tilħaq l-objettivi militari tagħha se jkunu bil-ferm ikbar.
Il-kummenti ta’ Stoltenberg kienu jirreżonaw ma’ dawk li għadda l-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson fejn dan ukoll wissa li għandna nkunu ppreparati għal gwerra li ttul is-snin. Kemm Stoltenberg u anke Johnson qalu li jekk jintbagħtu iktar armi lejn l-Ukrajna r-rebħa ta’ Kiev tkun iktar possibbli.
F’intervista li Stoltenberg kellu mal-ġurnal Ġermaniż Bild, huwa qal li, “aħna rridu nkunu preparati għall-fatt li dan il-kunflitt idum is-snin. Aħna rridu nibqgħu nappoġġjaw lill-Ukrajna… anke jekk il-prezz ikun għoli mhux biss għall-militar iżda anke fil-provvista tal-enerġija u l-ikel.” Il-kap tan-NATO kompla jgħid li jekk l-Ukrajna tingħata iktar armi moderni dawn ikun kruċjali biex ir-reġjun tad-Donbas jinħeles mill-kontroll Russu.
Ir-Russja u l-Ukrajna ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħat jiġġieldu għall-kontroll ta’ dan ir-reġjun li jinsab fil-Lvant tal-Ukrajna bir-Russja tkompli tagħmel avvanzi strateġiċi.
F’dawn l-aħħar jiem, l-uffiċjali Ukreni tkellmu b’mod ċar dwar il-bżonn ta’ iktar armi sofistikati biex ikunu jistgħu jilqgħu u jegħlbu l-offensiva Russa. Fid-dawl ta’ dan, nhar l-Erbgħa li għaddiet il-Ministru tad-Difiża Ukren Oleksiy Resnikov iltaqa’ ma’ 50 pajjiż f’dak li ngħatat l-isem bħala Ukraine Defence Contact Group ġewwa Brussell u hemm talab għal iktar armi u munizzjon.