Sunday, December 29, 2024

Il-gwerra fl-Ukrajna: Zelensky jeskludi ftehim ma’ Putin dwar it-territorji

Aqra wkoll

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky eskluda li jċedi kwalunkwe territorju ta’ pajjiżu fi ftehim ta’ paċi potenzjali mar-Russja.

F’intervista mal-BBC li timmarka sena mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, huwa wissa li jekk iċedu l-art ikun ifisser li r-Russja “tista’ terġa’ lura”, filwaqt li l-armi tal-Punent iġibu eqreb il-paċi.

Is-Sur Zelensky qal ukoll li l-offensiva mbassra għar-rebbiegħa diġà bdiet. “L-attakki mir-Russja diġà qed iseħħu minn diversi direzzjoni,” qal Zelensky. Madankollu, huwa stqarr li jemmen li l-forzi Ukreni jistgħu jibqgħu jirreżistu l-avvanzi Russi sakemm ikunu jistgħu jibdew kontro-offensiva, għalkemm tenna s-sejħiet tiegħu għal aktar għajnuna militari mill-Punent.

“Naturalment, l-armi moderni jħaffu l-proċess għall-paċi. L-armi huma l-unika lingwa li tifhem ir-Russja,” huwa żied jgħid.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-President Ukren iltaqa’ mal-mexxejja tar-Renju Unit u tal-UE fi sforz biex isaħħaħ l-appoġġ internazzjonali u jitlob armi moderni sabiex jiddefendi lil pajjiżu.

Filwaqt li l-President Ukren talab għal aktar ajruplani tal-ġlied, min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Rishi Sunak ma eskludiex li dan jista’ jsir.
Meta mistoqsi jekk kienx sorpriż bit-tattiċi tar-Russja fil-gwerra, Zelensky iddeskriva dawn it-tattiċi bħala “mingħajr valur”.

“Il-mod kif qerdu kollox. Jekk is-suldati tagħhom irċevew [u wettqu] dawk l-ordnijiet, dan ifisser li jaqsmu dawk l-istess valuri.”

Ċifri tal-Ukrajna maħruġa din il-ġimgħa ssuġġerew li t-truppi Russi fl-Ukrajna kienu qed imutu f’numru akbar dan ix-xahar milli fi kwalunkwe ħin mill-ewwel ġimgħa tal-invażjoni tagħhom. Għalkemm iċ-ċifri ma kinux ivverifikati, il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit qal li x-xejriet kienu “x’aktarx preċiżi”.

“Illum, is-sopravivenza tagħna hija l-għaqda tagħna,” qal is-Sur Zelensky dwar kif ħaseb li se tintemm il-gwerra. “Nemmen li l-Ukrajna qed tiġġieled għas-sopravivenza tagħha.”

“Aħna għażilna din it-triq. Irridu garanziji ta’ sigurtà. Kwalunkwe kompromess territorjali jagħmilna aktar dgħajfa bħala stat.”

Ekonomija

Sport