Monday, May 6, 2024

“Il-gwerra illegali tar-Russja fl-Ukrajna fuq nett tal-aġenda tagħna”

Iċ-Chairperson tal-OSCE Ian Borg se jżur Kiev il-ġimgħa d-dieħla

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg ippreżenta l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa magħruf bħala OSCE.

Bħala Chairperson-in-Office l-Ministru Borg irringrazzja lill-predeċessur tiegħu f’din il-kariga u filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li wrew l-appoġġ f’pajjiżna saħaq li Malta aċċettat din il-pożizzjoni għax temmen fir-relevanza ta’ dan il-kumitat u postu fis-sistema ta’ regolarizzazzjoni internazzjonali. Borg qal li l-impenn ta’ Malta f’din l-organizzazzjoni u fuq livell nazzjonali mhuwiex ibbażat fuq interess nazzjonali imma biex b’konvinzjoni nservu ta’ pont bejn l-Lvant u l-Punet tal-Ewropa u l-Afrika lejn stat ta’ paċi.

Il-Ministru Borg saħaq li fuq nett tal-aġenda fejn jidħlu l-prijoritajiet se jkunu l-isfidi li qegħdin jaffaċċjaw l-Ukreni fil-gwerra illegali tar-Russja. Saħaq li huwa jikkundanna l-attakki li komplew jintensifikaw fll-aħħar ġimgħat u se jibqa’ jaħdem favur l-irtirar sħiħ tar-Russi mit-territorju Ukren skont il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment. Kien hawn li ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla se jżur il-kapitali Ukrena, Kiev, u qal li l-OSCE se titlob li jinħelsu 3 uffiċjali tagħha li qed jinżammu arrestati.

Huwa saħaq li hemm bżonn li jsir dak kollu possibbli biex titwaqqaf din il-vjolenza u l-agunija li għaddejja f’din il-gwerra u gwerer oħrajn, il-ħsara infrastrutturali vitali u l-mewt taċ-ċittadini.

“Dak li se nagħmlu aħna llum għall-paċi se jgħin biex niddeterminaw jekk inkomplux ngħixu fil-gwerra jew le fil-futur”, kompla l-Ministru Borg.

Prijorità oħra se tkun l-irwol tal-kumitat biex jgħin biex jissolvew il-kunflitti fir-reġjun tal-OSCE. 

Huwa żied li Malta trid li l-biljun persuna fir-reġjun jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-OSCE u tindirizza sfidi bħall-kontroll tal-armi u s-cyber security waqt li tippromwovi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u s-sigurtà tal-ikel.

Huwa sostna li l-ebda pajjiż mhu perfett, imma saħaq dwar l-elezzjonijiet li qegħdin ikomplu joqorbu u appella lil kull stat biex jonora d-demokrazija kontra kull forma ta’ esplojtazzjoni tad-dgħajjef minn dawk li huma iktar b’saħħithom.

Il-Ministru Borg saħaq dwar inizjattivi favur il-ħarsien tal-ġurnalisti b’mod partikolari dawk nisa u tiġġieled kontra t-traffikar tal-persuni

Huwa tenna li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran waqt li semma kif pajjiżna dejjem ħadem favur paċi u stabilità u hekk se jibqa’ jagħmel f’din il-Presidenza.

“Din l-organizzazzjoni trid tibqa’ ankrata mal-prinċipji li qbilna fuqhom 50 sena ilu. L-għan aħħari għandu jkun li niksbu mill-ġdid paċi u sigurtà fir-reġjuni. Irridu nsaħħu r-reżiljenza tal-organizzazzjoni biex ma ninġarrux mal-kurrenti tal-instabbiltà”, tenna l-Ministru Borg filwaqt li assigura li se jagħmel minn kollox biex jaħdem fid-direzzjoni ta’ futur ta’ paċi u sigurtà.

L-OSCE tiġbor fi ħdanha 57 stat mill-Ewropa, l-Asja Ċentrali u l-Amerika ta’ Fuq u hija l-ikbar organizzazzjoni reġjonali ta’ sigurtà fid-dinja fejn taħdem biex ikun hemm kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi ħalli jitħarsu s-sigurtà u l-koperazzjoni bejniethom.

YouTube video

Sport