Saturday, December 21, 2024

Il-gwerra tal-bolol… jgħaddu sittin sena… illum ukoll jagħmlu minn kollox biex dak li għandek fil-but jeħduhulek

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Illum meta nisimgħu l-politiċi tagħna jitkellmu fuq ekonomija li se tkompli tikber. Jitkellmu fuq kemm hu bżonnjuż li tikber. L-agumenti kollha jibbażawhom fuq il-fatt kemm hu importanti li d-domanda domestika, jiġifieri l-konsum lokali jibqa’ b’saħħtu u jiżdied. Prattikament ifisser li inti tonfoq, tonfoq u tonfoq.  Is-sitwazzjoni li għandna llum hi dik li għandna ekonomija li tkompli tikber għax għandna konsum domestiku qawwi ħafna.

Il-Maltin, bħala nies inħobbu nixtru. Iħobbu nonfqu. Il-platti tagħna tal-ikel tagħna u l-konsum tal-ikel tagħna huma akbar minn dawk ta’ ġnus oħra. U dan il-konsum sfrenat tal-Maltin, li qatt ma kien trattat u rari rajna kampanja fuq edukazzjoni finanzjarja, ikompli għaddej u l-ekonomija tkompli tikber. Il-mentalità ta’ llum li ‘għada min rah’ tkompli trewwaħ aktar din ix-xejra. Li tonfoq kważi kull m’għandek. 

Proprju sittin sena ilu eżattament f’Ottubru tas-sena 1964 pajjiżna kien għaddej minn dik li tissejjaħ  ‘il-gwerra tal-bolol’. Il-bolol ma kienu xejn għajr dawk magħrufa bħala ‘trade stamps’.  Il-bolol tal-kummerċ kienu bolol tal-karti żgħar mogħtija lill-klijenti minn negozjanti fi programmi ta’ lealtà.

Dawn kienu skemi li nbdew fl-Istati Uniti, il-Kanada u r-Renju Unit u wara nfirxu f’pajjiżi oħra. Bħall-kupuni tal-bejjiegħ bl-imnut maħruġa bl-istess mod, dawn il-bolol kellhom biss valur ta’ flus minimu ta’ ftit mills (għax dak iż-żmien kien jeżistu l-mills) iżda meta klijent jakkumula numru minnhom, setgħu jiġu mibdula għand il-kumpanija tal-bolli kummerċjali. Malli tmur tibdilhom tkun tista’ tagħmel għażla minn prodotti bħal ġugarelli, oġġetti personali, oġġetti tad-dar, għamara u tagħmir.

Meta feġġew f’Malta proprju f’dan iż-żmien 60 sena ilu, inqalgħet kontroversja. Il-Perit Dom Mintoff, bħala Kap tal-Oppożizzjoni kienet tkellem b’qawwa fil-Parlament kontra dawn il-bolol kummerċjali. Kien ġie rappurtat li “il-Perit Mintoff illejla  tkellem kontra l-introduzzjoni ta’ bolol kummerċjali f’Malta u sal li din mhix sistema tajba għal Maltin.

Hu qal li dan kollu piż żejjed la ma hemmx Retail Price Maintenance – ftehim biex tal-ħwienet ibiegħu kollha bl-istess prezz. Il-Ministru tal-Biedja, Enerġija u Kommunikazzjoni Dr C Caruana qal fl-Aġġornament tal-Parlament li l-Gvern bi ħsiebu jagħmel leġislazzjoni li tipprojbixxi l-użu tal-bolol kummerċjali”. 

Proprju l-għada, fil-gazzetta L-ORIZZONT jinħareġ rapport intitolat “Il-Gwerra tal-Bolol tkompli tiqliel”. Fih kien ingħad hekk: “Dalwaqt f’Malta se jkun hawn ħames kwantitajiet ta’ bolol li jinbidlu ma’ rigali. Dawn huma l-Bolol Roża ta’ Sperry & Hutchinbsonb, il-Bolol Blu ta’ E. Cutajar Bros,  is-St Michael Stamps tas-St Michael Super Markets, il-Bolol ta’ l-iStar u issa hu mifhum li ġejjin il-Bolol ta’ Green Shields.

Minn dan jidher sew li l-gwerra tal-bolol li jinbidlu ma’ rigali qiegħda tiqliel sew. Sadanittant ħafna ħwienet qegħdin jipprotestaw li  kumpanija minn dawn li semmejna  qiegħda tiddiskrimina fl-għażla tal-għoti tal-bolol lill-ħwienet. Il-General Retailers & Traders Union, iltaqgħu ma’ l-Ministru għall-Iżvilupp Industrijali, Dr G Felice. 

Delegazzjoni tal-G.R & T.U qalet lill-Ministru Felice  li l-union tagħhom hi kontra kull bolol li jiġu mogħtijin lill-ħwienet bil-flus u talbu biex issir leġiżlazzjoni li tipprojbihom. Il-gvern hu mifhum li se jikkunsidra u jistudja it-talba tagħhom”. 

Intqal li “dalgħodu Mr Hallman u sur Grixti tal-Bolol Roża u s-Sur J. Brockdorff tal-British Publicity Company li qiegħda tieħu ħsieb il-kampanja ta’ pubbliċità li qiegħda ssir għall-Bolol Roża marru Għawdex u hu mifhum li dan sar biex jintroduċu dawn il-Bolol Roża. 

Rapporti li waslu minn Għawdex jgħidu li uħud mill-ħwienet Għawdxin kienu qegħdin jaħsbuha jekk jidħlux f’din l-iskema wara d-diskors tal-Ministru C Caruana.  Kuntattjat bit-telefon, il-Ministru Caruana qal li dak li qal fil-Parlament  kienet l-opinjoni tiegħu, li hi li l-gvern għandu jipprojbixxi dawn il-bolol permezz ta leġiżlazzjoni. Però hu qal li l-kwistjoni għadha qed tiġi studjata u kkunsidrata mill-Ministru Felice.

S&H jgħidu li l-bolol jgħinu lill-bejjiegħ

Kien intqal li stqarrija maħruġa minn Sperry & Hutchinson Co Ltd tal-Bolol Roża Calu li dawn il-bolol huma sempliċi mezz ieħor biex jiżdied il-bejgħ. L-istqarrija qalet li l-bejjiegħa m’għandhomx  bħax jibżgħu għax il-Bolol Roża jgħinuhom billi jiżguraw il-ħlas minnufih tal-kontijiet. 

Gwerra bl-istqarrijiet tal-bolol

Proprju ftit jiem wara inħareġ rapport ieħor li kien intitolat “Gwerra bl-istqarrijiet dwar il-bolol’. Ir-rapport kien qal li “l-gwerra qalila tal-bolol li l-ħwienet jagħtu lill-parruċċani għall-bdil mar-rigali, tidher li qed tkompli tiħrax bi stqarrijiet magħmulin minn tliet kumpaniji tal-bolol. Filwaqt li żewġ kumpaniji qegħdin ikoplu bix-xogħol tagħhom li jaqbdu l-ħwienet u jqassmu l-bolol, kumpanija oħra qed tistenna x’miżuri se jieħu l-gvern”. 

“Stqarrija maħruġa minn Sperry and  Hutchinson qalet li wieħed mill-mezzi biex iħajru lill-konsumatur jonfoq iżjed hu l-għoti tal-bolol. Kull 6d li tonfoq tieħu bolla li titwaħħal fi ktieb apposta.  Il-ktieb pesa’ 1,280 bolla, jiġifieri biex timlieh trid tonfoq b’kemm jiswew £32. B’dan il-mod il-mara tad-dar tkun qisha qed tieħu roħs ta’ 2.5 fil-mija fl-oġġetti”, qalet l-istqarrija.

Kien intqal li “l-bolol huma ukoll meqjusin bħala wieħed mill-aqwa inċentivi għan-negozju għax barra li j’attirai parruċċani ġodda, iħajru lill-parruċċan biex iħallas fil-front u b’hekk jeħles lil tal-ħanut minn ħafna djun”. 

Sperry & Hutchinson kienu qalu li “l-kritiċi jsostnu ukoll li l-bejjiegħa jġibu  l-prezz tal-bolol li jonfqu billi jgħollu l-affarijiet. L-ewwelnett bil-bolol ħanut jiżdiedlu l-bejgħ u għalhekk il-profitt jikber u ma jkollux għalfejn jgħolli l-affarijiet.

It-tieni, kull ħanut jaf li jkollu jew ma jkollu bolol jekk jgħolli l-affarijiet il-bejgħ jonqos.  L-istqarrija tgħid li l-vantaġġ li għandha l-mara tad-dar mill-bolo hu li tkun qed tfaddal għall-affarijiet.  Bit-tfaddil tal-bolol tkun tista’ takkwista affarijiet bżonnjużi għad-dar”. 

Ekonomija

Sport