Saturday, December 21, 2024

IL-GWERRA U L-EFFETT TAGĦHA

Aqra wkoll

Hawn min fostna qed jipprova jdawwar wiċċu naħa oħra għall-kunflitt fl-Ukrajna. Hemm min qed jgħid “u dak ‘lbogħod minn xtutna’. Oħrajn jgħidulek li “aħna m’għandniex il-problemi tagħna, se noqogħdu ninkwetaw fuq il-problemi ta’ ħaddieħor. Il-problemi tagħhom mhux isolvuhom huma”.

Kemm hu żbaljat min jipprova jingħalaq fih innifsu jew idawwar wiċċu naħa oħra. Id-dinja llum tant saret żgħir li hu impossibbli li dan isir. Dak li jiġri f’parti oħra tad-dinja faċilment jolqot pajjiż ieħor ftit jiem biss wara.

Il-gwerra fl-Ukrajna kifxet waħda mill-problemi kbar li kellna f’pajjiżna u li ma tantx konna qed inħossuha. Din hi dik li għal snin sħaħ il-biedja lokali ingħatat daqqiet bis-sieq bil-konsegwenza li dak li jieħdu ħsieb l-art u jkabbru l-prodotti, il-bdiewa bdew dejjem jonqsu. Malta spiċċat u din mhix realtà tagħna, tixtri kollox minn barra. Dan jagħmilna f’sitwazzjoni fejn dak li qed jiġri fil-bqija tad-dinja jolqotna daqs li kieku l-kwistjoni hi fostna. Għalhekk hi importanti li ma ningħalqux fina infusna.  Li nagħtu kas xi jkun qed jiġri f’pajjiżi oħra. 

Mindu inbdiet l-invażjoni tal-Ukrajna, il-prezzijiet tal-ikel komplew telgħin. Mhux biss imma bdew ukoll l-iskarsezzi. 

Dan minħabba li r-Russja u l-Ukrajna jipproduċu 30 fil-mija tal-qamħ u  20 fil-mija tal-qamħirrun. Ma’ dan imbagħad għandek il-fatt li huma jipproduċu aktar minn 70 fil-mija taż-żejt magħmul miż-żerriegħa tal-ward tax-xemx. L-invażjoni wasslet biex il-flotta Russa mhix qed tħalli vapuri tal-merkanzija jġibu l-qmugħ mill-Ukrajna lejn il-Mediterran u dan wassal għal żieda fil-prezz tal-ikel għax qed jogħla l-ġwież. 

M’hemmx dubju li dak li dak li qed nesperjenzaw għandu jgħinna biex nirriflettu fuq l-importanza tal-biedja lokali. Nifhmu li l-art hi limitata. Nifhmu li fuq għelieqi tagħna, minħabba nuqqas ta’ ilma mhux faċli tkabbar ċertu prodotti. Li hu żgur imma hu dak li l-biedja għandha tingħata aktar importanza. Għal snin twal tqieset bħala li donnu mhux importanti, għax kienet faċli li timporta minn barra. Din wasslet biex kien hemm anke nuqqas kbir ta’ żgħażagħ li bdew juru interess f’dan il-qasam.

M’hemmx dubju li mistoqsija li qed issir minn ħafna hi kif se nilqgħu għal dan? Kif se nilqgħu għal dawn iż-żidiet fil-prezzijiet?  Bla ebda dubju li ma tantx hemm x’tista’ tagħmel fuq dak li qed jogħla minn barra għax qed jiskarsa. Li jistgħu jagħmu l-awtoritajiet hu li jgħinu lill-poplu biex jilqa’ għal dawn l-effetti.

Nifhmu li jista’ jkun hemm min qed jabbuża ukoll f’din is-sitwazzjoni billi minn rajh jgħolli l-prezzijiet tiegħu jew jieħu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni. Nemmnu li dan għandu jkun investigat biex jekk hemm min qed jieħu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni, jitwaqqaf.

Ekonomija

Sport