Thursday, January 23, 2025

Il-GWU bi ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Gasco Energy Ltd. 

Aqra wkoll

It-Taqsima Kimika u Enerġija tal-General Workers’ Union (GWU) u Gasco Energy Ltd. għadhom kemm iffirmaw Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema li se jtul tliet snin, mill-2025 sal-2027. Ftehim se jiżgura żieda sostenibbli fil-pagi għall-impjegati kollha u jintroduċi kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba u aktar ġusti.

Ftehim jirrifketti l-impenn konġunt mill-GWU u Gasco Energy Ltd. biex ikompli jitrawwem ambjent ta’ għaqda fuq il-post tax-xogħol. It-termini li ġew negozjati jibbilanċjaw il-benesseri tal-impjegati mal-għanijiet operattivi tal-kumpanija, b’riżultat ta’ diversi benefiċċji li jsaħħu s-sħubija bejn iż-żewġ partijiet.

L-iffirmar tal-Ftehim Kollettiv sar fil-preżenza ta’ rappreżentanti miż-żewġ partijiet, mis-Segretarju tat-Taqsima Rita Dimech, flimkien max-Shop Stewards Shaun Mangion u Matthew Friggieri filwaqt li f’isem il-kumpanija ffirmaw il-Kap Eżekuttiv Paul Agius Delicata, l-Inġinier David Degiorgio u Stephan L. Muscat.

Is-Segretarju Rita Dimech saħqet fuq l-importanza ta’ dan il-ftehim: “Dan il-Ftehim Kollettiv jirrifletti d-dedikazzjoni tagħna biex inħarsu d-drittijiet u l-benesseri tal-impjegati filwaqt li niżguraw relazzjoni kollaborattiva ma’ Gasco Energy Ltd. Aħna kburin li ksibna dan it-tragward, li jipprovdi lill-membri tagħna stabbiltà finanzjarja fit-tul u kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba.”

Żiedet tgħid li t-Taqsima Kimika u Enerġija tal-GWU tibqa’ soda fil-missjoni tagħha li tirrappreżenta u tappoġġja d-drittijiet tal-ħaddiema, filwaqt li tiżgura li kull membru jibbenefika mill-progress u t-tkabbir.

Paul Agius Delicata, Kap Eżekuttiv ta’ Gasco Energy Ltd, stqarr li huma jinsabu kuntenti li laħqu dan il-ftehim li jirrifletti l-impenn tagħhom biex jirrikonoxxu u japprezzaw il-kontribut tal-ħaddiema tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport