GO plc, il-fornitur ewlieni ta’ komunikazzjoni f’Malta, u l-General Workers’ Union (GWU) iffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-impjegati ta’ GO li huma membri tal-unjin għall-erba’ snin li ġejjin, minn Lulju tal-2025 sa Ġunju 2029.
Dan il-ftehim jirrifletti l-impenn kontinwu ta’ GO lejn l-impjegati tagħha bħala l-pedament tas-suċċess tagħha. Il-ftehim il-ġdid ikompli jibni fuq il-kisbiet ta’ ftehim preċedenti, u jintroduċi strutturi ġodda biex jappoġġjaw l-iżvilupp tat-talenti, jirrikonoxxu l-ħiliet tekniċi, u li jkomplu jallinjaw mat-tkabbir fit-tul tal-kumpanija.
“Dan il-ftehim mhux biss dwar pagi u allowances iżda wkoll dwar l-iżvilupp ta’ impjegati li jkunu mħejjijin għall-futur sabiex imexxu viżjoni ta’ trasformazzjoni diġitali ta’ Malta,” qal Nikhil Patil, il-Kap Eżekuttiv ta’ GO plc. “Aħna napprezzaw ħafna d-dedikazzjoni tan-nies tagħna, u dan il-ftehim huwa prova ċara tal-investiment kontinwu tagħna fl-iżvilupp u l-benesseri tagħhom.”
Il-ftehim il-ġdid jestendi l-istruttura preċedenti tal-ftehim kollettiv ta’ tliet snin għal terminu ta’ erba’ snin – pass bla preċedent li jkompli jwassal aktar stabbiltà u ċertezza għall-impjegati. Il-ftehim jirrifletti wkoll l-impenn tal-kumpanija li tkompli ttejjeb il-ħiliet u li tkompli tirrikonoxxi lill-professjonisti b’diversi ħiliet.
Reuben Attard, Chief People and Finance Officer, ikkonferma l-filosofija ta’ GO li tpoġġi lin-nies fuq quddiem nett:
“Bil-mod kif il-kumpanija qed tkompli tikber, hekk ukoll nixtiequ li l-impjegati tagħna jkomplu jikbru huma wkoll. Permezz ta’ dan il-ftehim, daħħalna mekkaniżmi ġodda biex nidentifikaw, nirrikonoxxu u niżviluppaw il-ħiliet varjati li għandhom it-timijiet tagħna. L-għan tagħna huwa li noħolqu mhux biss impjiegi, iżda karrieri fit-tul.”
F’isem il-GWU, Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali, faħħar ir-riżultat tan-negozjati:
“Kuntenti li għal darb’oħra wasalna għal ftehim bilanċjat li jġib titjib konkret lill-impjegati ta’ GO. Ir-relazzjoni twila tagħna ma’ GO hija mibnija fuq rispett reċiproku u twemmin komuni fl-importanza tar-rikonoxximent tal-valur tal-ħaddiema.”
David Darmanin, Segretarju tat-Taqsima GWU Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni, irrimarka wkoll dwar il-progress miksub permezz ta’ dan il-ftehim:
“Komplejna ntejbu l-kundizzjonijiet u noħolqu opportunitajiet ġodda għall-impjegati biex ikomplu jiżviluppaw b’mod professjonali u jiġu rimunerati b’mod ġust.”
Waqt l-iffirmar ta’ dan il-ftehim attendew ukoll ir-rappreżentanti tal-unjin ta’ GO Nanda Bartolo, Alison Marshall u Roderick Micallef u Christine Apap, Senior Manager – People Operations u Moana Farrugia, People Success & Development Manager minn naħa ta’ GO.
GO plc tibqa’ impenjata li tibni futur fejn il-forza tax-xogħol tagħha tikber flimkien mal-għanijiet kummerċjali tagħha, allinjati fl-iskop u magħqudin fl-eċċellenza.