Fl-aħħar jiem, il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Fondazzjoni Arka, li jkopri s-snin 2026-2029. B’dan il-ftehim, li huwa t-tieni wieħed għal din l-entità, il-ħaddiema tal-Fondazzjoni se jaraw żidiet fis-salarji fost titjib fil-kundizzjonijiet u benefiċċji oħra.
Fondazzjoni Arka hija bbażata f’Għawdex u toffri servizzi residenzjali u ta’ respite lil persuni b’diżabilità. Hija tamministra tlitt idjar li minnhom jiġu pprovduti dawn is-servizzi li huma Dar Arka, Dar il-Ġublew tal-Ħniena u Dar il-Madonna ta’ Pinu.
Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa Kendrick Bondin, l-Assistent Segretarju Lawrence Bugeja u r-Rappreżentant t’Għawdex Jonathan Vella.
Għal Fondazzjoni Arka ffirmaw id-Direttur Fr Jimmy Xerri, il-General Manager u rappreżentant legali Marco Formosa u Paul Buttigieg mid-Djoċesi t’Għawdex.
Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Bondin spjega li dan il-ftehim ġie ffirmat qabel jiskadi dak attwali. Huwa faħħar ir-rieda tajba li ntweriet min-naħa tal-maniġment biex intlaħaq dan il-ftehim għall-benefiċċju tal-ħaddiema membri tal-union.
“Dan huwa t-tieni ftehim kollettiv għall-Fondazzjoni Arka. Rajna li nkomplu nsaħħu lil din l-entità li jagħmlu ħafna xogħol ma’ persuni b’diżabilià u l-familji tagħhom. Inħeġġeġ lill-pubbliku biex jikkontribwixxu bid-donazzjonijiet tagħhom għal din il-Fondazzjoni,” tenna s-Segretarju Bondin.
Min-naħa tiegħu, il-General Manager ta’ Fondazzjoni Arka Marco Formosa esprima s-sodisfazzjon għall-iffirmar ta’ din il-ftehim li permezz tiegħu “żidna l-pagi tal-ħaddiema tagħna kif ukoll l-allowances tagħhom fost oħrajn. Nappella lill-pubbliku biex min jista’, jgħin lill-Fondazzjoni sabiex tkompli bil-ħidma tagħha favur il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.”
Wieħed jista’ jagħmel donazzjoni permezz ta’ bank transfer fuq l-IBAN tal-Fondazzjoni Arka: MT31VALL22013000000040017808653. Kull kontribuzzjoni, kbira jew żgħira, hi apprezzata.