Il-ħaddiema tal-Malta Stock Exchange se jkunu qed jibbenefikaw minn titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom permezz ta’ Ftehim Kollettiv ġdid li ġie ffirmat bejn il-General Workers’ Union (GWU) u Malta Stock Exchange plc. Ftehim Kollettiv li jkopri l-perjodu 2025-2030.
“Ninsab sodisfatta bin-negozjar li sar u nieħu l-opportunità nirringrazzja lill-maniġment u lil dawk kollha involuti fin-negozjati, speċjalment lir-rappreżentanta tal-ħaddiema li flimkien u bl-għajnuna tal-ħaddiema kollha, ħdimna id f’id flimkien biex wasalna għal dan il-Ftehim,” qalet Riccarda Darmanin, Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Malta Stock Exchange Joseph Portelli filwaqt li rringrazzja lill-GWU tal-laqgħat li saru b’mod kordjali u qal li jinsab kuntent bit-titjieb f’dan il-Ftehim.
Għal dan il-Ftehim iffirmaw is-Segretarju tat-Taqsima Riccarda Darmanin, l-Assistenta Segretarju Cynthia Schembri u r-rappreżentanta Melissa Muscat filwaqt li min-naħa tal-Malta Stock Exchange iffirmaw iċ-Chairman Eżekuttiv Joseph Portelli, Chief Officer Simon Zammit, Chief HR&CS Officer Alfred Sammut, Senior HR&CS Manager Therese Amato u HR&CS Manager Elaine Paris fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, is-Segretarju Permanenti People & Standards Joyce Cassar, u l-Kap tal-IRU (P&SD) Thomas Woods.