Tuesday, December 16, 2025

Il-GWU bi ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Uffiċċju Konġunt

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn l-Uffiċċju Konġunt u l-General Workers Union (GWU) li permezz tiegħu l-ħaddiema se jibbenefikaw minn żieda fil-pagi tagħhom u introduzzjoni ta’ allowances ġodda.

L-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, tas-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney, is-Segretarju Permanenti Joyce Cassar u s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja. 

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap tal-Uffiċċju Konġunt, is-Sur Patrick Vella; mill-Kap tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali, is-Sur Thomas Woods; mis-Segretarju tal-unit tal-General Workers’ Union, mis-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi is-Sur Kendrick Bondin; u mis-Shop Stewart Dr Sara Ezabe.

Is-Segretarju tal-General Workers’ Union Josef Bugeja qal li “llum qegħdin niċċelebraw pass importanti ħafna għall-membri tagħna. Dan huwa l-ewwel ftehim kollettiv għal dan l-unit speċjalizzat, il-Joint Office. Nistgħu ngħidu b’sodisfazzjon kbir li dan il-ftehim mhux biss isaħħaħ il-pakkett finanzjarju imma ukoll, il-ħinijiet tax-xogħol u kundizzjonijiet oħra fosthom aktar flessibilità fuq il-post tax-xogħol.”

Huwa tenna jgħid li “ħdimna wkoll li jkun hemm koerenza u ekwità fil-pagi, u għalhekk l-istruttura finanzjarja ġiet allinjata ma’ dik tal-Lands Authority, peress li dan l-unit speċjalizzat jaħdem fl-istess settur u jagħmel sens li nżommu l-istess parametri ġust.

“Dan il-ftehim jindirizza u jkopri diversi kategoriji ta’ ħaddiema – amministrattivi, tekniċi, professjonisti u maniġerjali. Dan nagħmluh ghax nemmnu li kull livell għandu ħaqqu d-dinjità u jixraqlu kundizzjonijiet ġusti, ċari, u moderni.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li “f’dan il-ftehim daħħalna wkoll skema ġdida għal ħaddiema studenti. Ħaddiema li jidħlu bil-kuntratt u jistudjaw waqt il-ħin tax-xogħol, meta jlestu t-taħriġ jitilgħu grad. Din hija opportunità għal min ikun qed jistudja jew li jrid ikompli jistudja. Flimkien qed noholqu karrieri ghall-futur. Hija wkoll konferma tal-wegħda u l-ħidma tal-GWU li tkompli ssaħħaħ l-edukazzjoni u l-progress f’pajjiżna.”

“Il-proċess ta’ negozjar kien wieħed pożittiv ħafna. Kien hemm kooperazzjoni reali bejn il-Management tal-Joint Office, it-Taqsima tal-GWU, flimkien mas-shop steward. Kull min kien involut ħadem id f’id, bil-għan wieħed li niksbu kundizzjonijiet xierqa li jirriflettu l-valur tal-ħaddiema.

“Dan kollu juri ħaġa waħda: meta l-ħaddiema, il-management u l-union jaħdmu flimkien, nistgħu nibnu kundizzjonijiet aħjar, nistgħu nħarsu aktar stabbiltà, u nistgħu noħolqu futur aktar ċert u aktar b’saħħtu,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU li faħħar ir-rwol tas-Segretarju ta’ Taqsima, Kendrick Bondin, tal-Industrial Relations Unit, u l-Ministeru mmexxi mill-Ministru Owen Bonnici. Il-parteċipazzjoni u s-sapport tagħhom kienu kruċjali biex inqasmu r-responsabbiltajiet b’mod matur u biex dan il-ftehim seta’ jsir realtà. “Grazzi lil kull min ta sehmu. Dan il-ftehim huwa pass ieħor lejn aktar ġustizzja u aktar dinjità fuq il-post tax-xogħol.”

Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi u Saħħa Kendrick Bondin ingħaqad ma’ dak li qal is-Segretarju Ġenerali u tenna li jħares ’il quddiem biex ikomplu jsaħħu n-negozjati fil-postijiet tax-xogħol rappreżentati mit-Taqsima. Filwaqt li tkompli l-ħidma għal aktar skemi edukattivi għall-ħaddiema membri. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici spjega kif dan il-ftehim kollettiv se jara żidiet fil-pagi u allowances għall-impjegati, bil-għan li jittejbu l-pakketti ta’ kumpens u benefiċċji tagħhom b’mod ġenerali. 

Il-Ministru Bonnici tenna li l-iskop tal-ftehim kollettiv mhuwiex biss wieħed finanzjarju iżda jfittex ukoll li jipprovdi gwida ċara dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, bl-għan li jservi bħala ispirazzjoni għal impjegati futuri.

 “Dan huwa tassew Gvern li jinvesti fil-ħaddiema tagħna u l-għan tagħna hu li nipprovdu ħlas xieraq u ġust lill-impjegati tagħha għall-ħidma tagħhom. Flimkien qed naħdmu biex il-ħaddiema jkollhom l-opportunità li jkomplu javvanzaw fil-karrieri personali tagħhom,” temm jgħid Dr Bonnici.

Il-Kap tal-Uffiċċju Konġunt Patrick Vella qal,  “Il-ftehim kollettiv se jiggarantixxi kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol għall-impjegati tal-Uffiċċju Konġunt, filwaqt li jagħmel l-unit aktar attraenti għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda. Dan huwa ftehim identiku għal dak li ġie ffirmat għall-impjegati tal-Awtorità tal-Artijiet.”

“Permezz ta’ side letter iffirmata bejn l-Uffiċċju Konġunt, l-Awtorità, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-IRU, ġie ggarantit li l-impjegati kollha tal-Uffiċċju jkollhom il-possibbiltà li jiġu assorbiti mill-Awtorità tal-Artijiet meta tintemm il-funzjoni tal-Uffiċċju Konġunt,” temm jgħid is-Sur Vella. 

L-Uffiċċju Konġunt twaqqaf permezz tal-ftehim tal-1991 bejn l-Istat Malti u s-Santa Sede, bil-għan, fost oħrajn, li jamministra l-proprjetà trasferita u li jirreġistra l-proprjetà f’isem il-Gvern ta’ Malta. L-identità legali tal-Uffiċċju Konġunt ġiet stabbilita fl-2024, meta ġie rikonoxxut bħala Unità Speċjalizzata fl-Amministrazzjoni Pubblika. Dan ippermetta li jiġu ffaċilitati proċessi amministrattivi, inklużi dawk relatati mal-finanzi, ix-xiri, ir-reklutaġġ u l-immaniġġjar tar-riżorsi umani.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport