G4S Malta, Kumpanija tal-Grupp KDM, u t-Taqsima tal-Forzi Dixxiplinati, is-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi tal-General Workers’ Union (GWU) iffirmaw Ftehim Kollettiv ġdid ta’ tliet snin li jkopri l-gradi kollha tal-Uffiċjali tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni ta’ G4S Malta li joperaw fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA).
Il-ftehim, li se jkun fis-seħħ mill-2025 sal-2027, jipprevedi żidiet sostanzjali fis-salarji u allowances imtejba għal aktar minn mija u tletin Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni ta’ G4S Malta li huma fdati biex jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà tal-passiġġieri, l-istaff tal-linji tal-ajru u l-istakeholders tal-ajruport MIA. Il-ftehim isaħħaħ ukoll il-kollaborazzjoni bejn il-kumpanija u t-trade union, filwaqt li jintroduċi oqfsa aktar ċari għall-progressjoni tal-karriera, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni, f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-avjazzjoni.

Il-ftehim ġie fformalizzat mill-Inġ. Edward Chetcuti, Kap Eżekuttiv tal-Grupp KDM, Elton Debattista, Maniġer Ġenerali, u John Muscat Drago, Chief People Officer, f’isem G4S, flimkien ma’ Theo Vella, Segretarju tat-Taqsima, u Dorianne Compagno, Sylvana Abdilla u Anton Micallef, f’isem il-GWU.
Waqt il-laqgħa, l-Inġ. Chetcuti enfasizza l-importanza ta’ dan l-avveniment importanti billi fisser dan il-ftehim bħala huwa pass sinifikanti ’l quddiem fir-rikonoxximent tal-professjonaliżmu u l-impenn tal-Uffiċjali tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni ta’ G4S Malta li jaħdmu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u li ddeskriva bħala l-ewwel linja ta’ difiża fis-salvagwardja tal-pubbliku li qed jivvjaġġa.
Is-Sur Vella, li jirrappreżenta l-General Workers’ Union, qal li l-ftehim, li ġie approvat mill-maġġoranza assoluta tal-membri, jiżgura remunerazzjoni aktar ġusta u kundizzjonijiet imtejba għall-uffiċjali li jwettqu rwol impenjattiv u responsabbli fl-ajruport.
Il-Ftehim Kollettiv il-ġdid jafferma mill-ġdid l-impenn konġunt ta’ G4S Malta u l-GWU biex irawmu ambjent tax-xogħol pożittiv, itejbu l-benesseri tal-impjegati, u jżommu l-ogħla livelli ta’ sigurtà għall-passiġġieri kollha li jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.