Wednesday, November 27, 2024

Il-GWU bi ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-ST Microelectronics

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-ST Microelectronics li jkopri l-perjodu 2020-2023. Minbarra titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, dan il-ftehim se jkun qiegħed jara żidiet fil-pagi kif ukoll benefiċċji oħra bħalma huwa s-shift allowance.

Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni David Darmanin filwaqt li min-naħa tal-ST Microelectronics iffirma l-General Manager tal-kumpanija Dr. Laurent Filipozzi. 

Fost dawk preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Charles Seracino u rappreżentanti oħra tal-kumpanija ST Microelectronics.

F’kummenti lil dan is-sit, il-General Manager tal-kumpanija Dr. Laurent Filipozzi qal li dan il-ftehim kien tragward importanti ħafna għaliex issa se nkunu qegħdin nimplimentaw dak li qegħdin inwiegħdu f’dan il-ftehim biex intejbu l-kundizzjoni tal-ħaddiema tagħna. 

Huwa żied jgħid li huwa xieraq li dawn il-ħaddiema jiġu inċentivati bil-għan li dawn jkunu jistgħu jżidu l-kontribut tagħhom fil-kumpanija. Minbarra l-investiment fil-ħaddiema, Filipozzi qal ukoll li issa li l-kumpanija qiegħda tfakkar l-40 sena mit-twaqqif tagħha wasal iż-żmien biex isir innovar ieħor li jkompli jżid il-livell tagħha. Rigward id-diskussjonijiet mal-GWU, Filipozzi qal li n-negozjati bdew lura madwar sena u nofs ilu iżda kien hemm perjodu ta’ waqfien minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Matul dan il-perjodu ġiet evalwata s-sitwazzjoni u saru l-kalkoli neċessarji biex filwaqt li jiġu megħjuna l-ħaddiema, il-kumpanija tkun tista’ tkompli tkun kopetittiva fuq livell internazzjonali.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni David Darmanin sostna li d-diskussjonijiet ma kinux faċli iżda llum huwa sodisfatt ħafna li minkejja perjodu ta’ pandemija ġie ffinalizzat dan il-ftehim ma’ kumpanija kbira bħalma hija l-ST Microelectronics. Darmanin irringrazzja lill-kumitat li kien siewi ħafna fid-diskussjonijiet, lis-Segretarju Ġenerali kif ukoll lill-management li fehmu li għal maż-żminijiet tal-lum kien hemm bżonn reviżjoni fil-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qalilna li dan il-ftehim trid tarah fil-perspettiva ta’ pandemija fejn waqt pandemija kellek kumpanija li flimkien mal-GWU ħadu ħsieb li ħadd mill-ħaddiema ma jiġi tterminat jew jonqsulu s-sigħat tax-xogħol. Bugeja qal li jara li din il-kumpanija għandha futur sabiħ quddiemha u li dan il-ftehim kollettiv se jkun għodda biex il-ħaddiema jkomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom.

L-Assistent Segretarju tat-Taqsima Charles Seracino ddeskriva dan il-ftehim bħala l-aħjar wieħed fi żmien 20 sena anke minħabba titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kemm bħala kundizzjonijiet kif ukoll bħala salarju.

Kellimna wkoll is-Shop Steward Jason Gatt li wkoll innota li d-diskussjonijiet ħadu perjodu ta’ żmien anke minħabba l-pandemija. Huwa qal li l-ħaddiema fi skali minn 1 sa 3 u dawk minn skali 4 sa 7 se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn titjib fil-kundizzjonijiet u nnota b’sodisfazzjon iż-żieda fil-pagi kif ukoll benefiċċji importanti bħalma huwa s-shift allowance.

Sport