Friday, November 15, 2024

Il-GWU bi ftehim kollettiv ma’ Hotset Malta Ltd.

Aqra wkoll

It-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Kommunikazzjoni tal-General Workers’ Union għadha kif iffirmat Ftehim Kollettiv mal-kumpanija Hotset Malta Ltd. Ftehim Kollettiv li se jara titjieb fil-pagi tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fost oħrajn. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Kommunikazzjoni David Darmanin irringrazzja lil kulħadd għall-ħidma li saret biex isir dan in-negozjar li se jagħti l-frott tiegħu f’din il-kumpanija.  

“L-ebda ftehim kollettiv ma hu sempliċi speċjalment meta jiġu diskussi l-pagi. Minħabba s-sitwazzjoni attwali tal-gwerra fl-Ukrajna, wara li għaddejna minn pandemija, il-prospetti għas-snin li ġejjin għadhom inċerti ħafna. Dan il-ftehim għandu l-għan li jipprovdi ċerta stabbiltà billi jiżgura li l-impjegati jkollhom żidiet garantiti matul il-perjodu tal-ftehim. Il-ftehim jinċentiva wkoll it-titjib tal-ħiliet u l-flessibbiltà,” qal il-General Manager ta’ Hotset Malta Ltd. l-Inġinier Neville Porter. 

Żied jgħid li l-viżjoni tal-kumpanija hija fit-tul u qed isir kull sforz biex jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn li tibqa’ kompetittiva fis-suq tal-lum filwaqt li tipprovdi strutturi ta’ pagi li għandhom l-għan li jżommu impjegati b’esperjenza u li jaħdmu iebes.  

“Barra minn hekk, Hotset Malta Ltd. tfittex ukoll li tipprovdi lill-impjegati tagħha ambjent tax-xogħol pjaċevoli permezz ta’ post tax-xogħol komdu kif ukoll flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol.” 

Qal li dan il-ftehim ġie aġġornat biex ikun konformi mal-leġiżlazzjoni riċenti bħall-leave tal-paternità u l-carer’s leave. 

Il-Ftehim Kollettiv għal erba’ snin ġie ffirmat mis-Segretarju għat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Kommunikazzjoni David Darmanin u l-General Manager ta’ Hotset Malta Ltd. l-Inġinier Neville Porter.  
 

Ekonomija

Sport