It-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-General Workers Union iddikjarat tilwima industijali fil-konfront tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, l-EWA.
Il-GWU ġew avviċinati minn numru ta’ membri li huma impjegati mal-EWA, li ġew infurmati verbalment dwar trasferiment tagħhom għall-CAA, hekk kif is-sezzjoni tat-Charging Pillars se tiġi trasferita għal din l-entità.
Madankollu, jidher li hemm ukoll individwi li ma kinux parti minn din is-sezzjoni u li se jiġu trasferiti wkoll, minkejja li qatt ma ħadmu fiha u/jew f’proġetti relatati.
Fi stqarrija, il-GWU qalet li sa issa, l-informazzjoni li ngħatat kienet biss bil-fomm u li ma hemm xejn uffiċjali bil-miktub. Minkejja dan, dawn il-ħaddiema ġew ordnati biex iħallu l-EWA sa mhux aktar tard mil-lum is-7 ta’ Awwissu.
Dan mingħajr ma’ il-ħaddiema nnifishom ingħataw dettalji dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, inkluż salarji, benefiċċji, allowances, sigħat ta’ xogħol u flessibilità.
Madanakoli, il-GWU temmen li dan mhuwiex il-mod xieraq kif għandhom isiru dawn il-proċeduri. Il-GWU jinsab infurmat li fost il-ħaddiema affettwati hemm min reċentement applika jew se jibda kors ta’ Masters, jew daħal għal impenn ieħor li jista’ jiġi affettwat minn dan iċ-ċaqliq.
Hemm ukoll raġunijiet oħra li għandhom jiġu kkunsidrati, fosthom bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u x-xogħol.
Għaldaqstant, bħala union, il-GWU qed titlob sabiex :
- Il-ħaddiema jiġu avżati bil-miktub dwar dan iċ-ċaqliq;
- Jingħataw dettalji sħaħ dwar x’jinvolvi dan it-trasferiment, inkluż il-kundizzjonijiet preżenti u futuri tagħhom, u li ma jitilfux dak li diġà għandhom mal-EWA;
- Jingħata aktar żmien biex isir dan iċ-ċaqliq u li jkun hemm spjegazzjoni ċara dwar il-proċess li se jsegwi.
Barra minn hekk, il-GWU iddikjara li huwa assolutament mhux aċċettabbli li allegatament il-ħaddiema ġew imġiegħla jaċċettaw dan it-trasferiment taħt theddida li l-impjieg tagħhom mal-EWA se jiġi tterminat immedjatament jekk jirrifjutaw.
Kien għalhekk li l-GWU irreġistrat tilwima industrijali. Dan għaliex, hi għandha tkun involuta f’dan il-proċess, bħala d-dritt tagħha bħala union li tirrappreżenta lill-ħaddiema milquta.
Il-GWU ukoll tirriserva d-dritt li tieħu l-azzjonijiet kollha kif meħtieġ fl-aħjar interess tal-ħaddiema membri tagħha. Qabel ddikkjarat din t-tilwima industrijali, il-GWU għal dawn l-aħħar ġranet ippruvat diversi drabi tagħmel kuntatt mal-EWA, liema korrispondenzi qatt ma ġew imwieġba u għalhekk l-Unjin ma’ kellha ebda triq oħra ħlief li tieħu dan il-pass u tiddikjara tilwima.