Thursday, July 3, 2025

Il-GWU favur l-introduzzjoni tal-Ewtanasja Volontarja Assistita bħala dritt personali u ta’ dinjità għall-pazjenti terminali

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) laqgħet il-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Gvern dwar l-introduzzjoni tal-ewtanasja assistita b’mod volontarju għal pazjenti adulti li jkunu qed ibatu minn kundizzjoni terminali u li fadal ftit xhur fil-ħajja tagħhom. Il-GWU hija favur l-introduzzjoni tal-ewtanasja. 

Waqt li ttenni l-importanza tal-kura paljattiva u li dan għandu jibqa’ pilastru fundamentali fil-kura tal-pazjenti, il-GWU temmen li għandu jkun hemm qafas legali u mediku li jirrispetta d-deċiżjoni tal-pazjent — deċiżjoni li hija waħda personali, u f’ħafna każijiet meħuda taħt tbatija kbira u ta’ bla waqfien. Kull deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq id-dinjità tal-persuna u b’empatija lejh. 

Il-GWU tħares lejn l-ewtanasja bħala kwistjoni ta’ dritt, għażla u awtonomija personali, ibbażata b’dinjità fil-mewt. “Ma nistgħux nibqgħu ninjoraw it-tbatija kbira li jgħaddu minnha ċerti pazjenti fl-aħħar fażijiet ta’ ħajjithom. Dan għandu jkun att ta’ rispett u ħniena lejn ir-rieda tal-pazjent fuq bażi personali”. 

Il-GWU temmen li l-proċess għandu jkollu kriterji stretti u ċari, u taħt superviżjoni medika professjonali bħal kif propost fil-konsultazzjoni. Fl-istess ħin, naqblu li Gvern għandu jkompli jinvesti b’mod b’saħħtu fil-kura paljattiva. 

Il-GWU appellat biex din id-diskussjoni tkun waħda matura u ´l fuq mill-politika partiġjana. Temmen li din għandha tkun diskussjoni bbażata fuq il-verità, ix-xhieda ta’ professjonisti tas-saħħa, empatija u l-esperjenza diretta tal-familji li jgħixu l-agunija ta’ qrabathom. Nemmnu li għandha tkun sistema li tagħti għażla dinjituża b’appoġġ sħiħ tal-istat. 

Il-GWU saħqet li tibqa’ kommessa li tħares il-ġid tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom anke f’dawn il-mumenti l-aktar vulnerabbli fil-ħajja ta’ bniedem. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport